Lokali Qorti

Erbat irġiel u mara arrestati wara sejba ta’ droga f’residenza fil-Manikata

Ħames barranin ġew arrestati mill-Pulizija wara investigazzjoni u sorveljanza fuq residenza fil-Manikata, b’rabta ma’ allegat traffikar u pussess tad-droga.Minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li r-residenza kienet qiegħda tintuża għal attivitajiet kriminali b’rabta ma’ droga. Minn sorveljanza li saret ġew innutati movimenti suspettużi f’ħinijiet partikolari tal-ġurnata, waqt li ġew osservati persuni jikkultivaw diversi pjanti, suspettati tal-kannabis.


Għaldaqstant, it-Tlieta, il-Pulizija wettqet operazzjoni f’din ir-residenza fejn ġew arrestati l-ħames persuni – tlett irġiel mir-Rumanija li tnejn għandhom 37 sena u ieħor ta’ 39 sena, raġel mil-Libanu ta’ 36 sena u mara Taljana ta’ 30 sena.Matul it-tfittxija, instab ammont sostanzjali ta’ droga differenti, fosthom pilloli MDMA, ecstasy, LSD, kokaina, kif ukoll raża u pjanti tal-kannabis. Ġew ikkonfiskati wkoll flus kontanti
u apparat elettroniku. Filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin fuq dan il-każ, il-Maġistrat Philip Galea Farrugia qiegħed imexxi inkjesta. Dawn il-persuni mistennija jitressqu l-Qorti, il-Ħamis għall-ħabta ta’ 12:00 pm quddiem il-Maġistrat Yanica Micallef Stafrace.