Lokali

Il-fatt li sa issa m’għandniex garanzija ta’ provvista tal-gass wara Awwissu hu ċertifikat ta’ Gvern inkompetenti, li nesa lin-nies

F’’inqas minn erba’ xhur, Malta jagħlqilha l-kuntratt ta’ 10 snin li kellha għall-provvista tal-gass li bih taħdem il-power station, u l-Gvern donnu din il-ġimgħa ftakar li għad m’għandux pjan għall-provvista tal-gass biex minn Awwissu ’l hemm ikollha biex taħdem il-power station.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista, ix-Shadow Minister għall-Enerġija Mark Anthony Sammut, ix-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg u x-Shadow Minister għax-Xogħol Ivan Castillo qalu li l-produzzjoni tal-enerġija f’pajjiżna wara Awwissu tiddependi fuq provvista ġdida ta’ gass hekk kif il-ftehim li kien hemm għal dawn l-aħħar 10 snin se jiskadi fit-13 ta’ Awwissu u l-Gvern sal-lum għadu ma qalx xi ftehim ġdid għamel għall-provvista tal-gass biex il-familji u n-negozji ta’ Malta u Għawdex ikunu żgurati li se jkollhom l-eneriġija fi djarhom u fl-istabbilimenti tagħhom.

Jidher li wara li nhar il-Ħadd il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa dwar dan, Robert Abela mar malajr mal-Ministru Miriam Dalli jiltaqa’ mat-tekniċi fil-power station u sejjaħ laqgħa urġenti mal-imsieħba soċjali rrappreżentati fl-MCESD għal għada hekk kif dawn huma mħassba mhux ftit dwar din is-sitwazzjoni. Fid-dawl tal-fatt li l-Gvern kien jaf li l-ftehim li l-Electrogas kellha mas-SOCAR kien se jintemm f’Awwissu ta’ din is-sena, huwa kellu jibda n-negozjati għal ftehim ġdid għall-provvista fl-2024 jew għall-inqas is-sena l-oħra.

Imma għal xi raġuni l-Gvern jidher li ma nnegozjax u issa jinsab f’paniku għax jaf li jista’ jdaħħal lill-pajjiż fi kriżi tal-enerġija minħabba l-inkompetenza tiegħu. L-inkompetenza tal-Gvern tista’ twassal ukoll biex pajjiżna issa jkollu jħallas prezzijiet ferm ogħla biex jixtri l-gass – aktar u aktar minħabba l-qagħda internazzjonali u l-gwerra fil-Lvant Nofsani – tort tal-fatt li l-Gvern issa għandu emerġenza għax ma ħasibx fil-ħin.

F’Marzu li għadda l-Ministru responsabbli mill-enerġija Miriam Dalli kienet serrħet ras il-ġurnalisti li staqsew dwar dan u qalet li kienu qed jinnegozjaw. Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi lil Miriam Dalli jekk hux minnu li l-Gvern, permezz tal-Enemalta, issa se joħroġ tender għall-provvista tal-gass? Għax jekk il-Gvern beħsiebu joħroġ sejħa għall-offerti għall-provvista tal-gass, dan ifisser li jew mhu veru xejn li kienu għaddejjin xi tip ta’ negozjati – u allura l-Ministru kienet qed tigdeb – inkella jfisser li f’ħames snin il-Gvern ma kienx kapaċi jinnegozja ftehim ieħor għal pajjiżna.

Irrispettivament minn jekk innegozjawx jew le, inkella għadux se joħroġ tender, qalu x-Shadow Ministers, qegħdin tard għax messha ttieħdet azzjoni ħafna żmien ilu.

Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista qalu li n-nies għandhom dritt ikunu jafu xi provvista għandna wara li jintemm il-ftehim jew jekk it-tanker hux se jibqa’ maġenb il-power station vojt fis-sajf, u jekk hux se nerġgħu nispiċċaw bix-xemgħat u bl-imriewaħ f’idejna.

Bħalma se jkunu qed jiltaqgħu mal-imsieħba soċjali biex jagħtu rendikont tas-sitwazzjoni, Robert Abela u Miriam Dalli għandhom jagħtu rendikont trasparenti lill-poplu ta’ dak li qed jiġri u jiżguraw lin-nies li l-provvista tad-dawl se tkun stabbli anke wara t-13 ta’ Awwissu.

Il-fatt li l-provvista tad-dawl ta’ pajjiżna sa issa għadha mhix garantita huwa ċertifikat ta’ Gvern li aktar moħħu fil-propaganda milli fl-ippjanar.  Huwa konferma li l-Gvern reġa’ spiċċa f’sitwazzjoni ta’ management-by-crisis anke f’ħaġa daqstant kruċjali għan-nies u għall-ekonomija ta’ pajjiżna bħalma hi l-enerġija.

Gvern li verament iġib l-ewwel u qabel kollox l-interess nazzjonali ikun gvern li jibqa’ ffukat fuq l-interessi tal-pajjiż u tan-nies u mhux fuq l-interessi personali tiegħu.