Waqt laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li saret illejla fid-Dar Ċentrali tal-PN, il-Partit Nazzjonalista kompla japprova aktar kandidati għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Tul il-laqgħa tal-lum, ġew approvati sitt kandidati oħra, li tlieta minnhom huma kandidati ġodda li qed jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali mal-PN għall-ewwel darba.
- John Baptist Camilleri fuq it-Tielet Distrett Elettorali
- Stefan Caruana fuq ir-Raba’ Distrett Elettorali
- Ray Gatt fuq it-Tielet Distrett Elettorali
- Angelo Micallef fuq it-Tmien Distrett Elettorali
- Jonathan Muscat fuq id-Disa’ Distrett Elettorali
- Rachel Williams fuq it-Tnax-il Distrett Elettorali
John Baptist Camilleri huwa inġinier tal-avjazzjoni u kunsillier lokali tal-PN f’Marsaskala fejn iservi bħala Minority Leader tal-Partit Nazzjonalista. Stefan Caruana huwa għalliem u jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Organizzattiv Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. Ray Gatt huwa konsulent ortopediku. Angelo Micallef huwa avukat li jservi bħala Sindku Nazzjonalista ta’ Ħal Balzan. Jonathan Muscat ukoll huwa avukat. Rachel Williams hija studenta tal-liġi, taħdem fil-qasam tal-iGaming u preżentement isservi bħala kunsilliera lokali tal-PN f’San Pawl il-Baħar.
Ray Gatt, Jonathan Muscat u Rachel Williams huma kandidati ġodda li se jkunu qed jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali f’isem il-PN għall-ewwel darba. Stefan Caruana kkontesta l-aħħar elezzjoni fl-2022 waqt li John Baptist Camilleri u Angelo Micallef ikkontestaw kemm l-aħħar elezzjoni ġenerali kif ukoll dik tal-2017.
Matul il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg irringrazzja lill-kandidati li qed joffru lilhom infushom biex jipprovdu servizz, u radd ħajr mhux biss lill-kandidati kollha li ġew approvati sa issa imma anke lil persuni oħrajn li diġà wrew interess li jkunu parti mit-tim tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali u li se jkunu approvati fil-ġimgħat li ġejjin.
Bl-approvazzjoni ta’ dawn is-sitt kandidati ġodda, in-numru ta’ kandidati approvati sa issa biex jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali li jmiss f’isem il-Partit Nazzjonalista issa tela’ għal 34.
Il-proċess biex jiġu identifikati u approvati aktar kandidati għadu għaddej. It-tim ta’ kandidati tal-PN jinkludi wċuħ ġodda, oħrajn li diġà kkontestaw mal-PN f’elezzjonijiet preċedenti, nisa u żgħażagħ kif ukoll numru ta’ kandidati Għawdxin.
//= $special ?>

