“Dan is-settur qed ifalli fil-kura tal-annimali u huwa għalhekk li fassalna riforma sħiħa flimkien mal-NGOs għaliex wasalna fil-punt li rridu nimxu lil hinn minn welfare u mmorru għall-protezzjoni tal-annimali.”
Dan kien il-messaġġ li twassal il-Ħamis filgħodu waqt l-ewwel konferenza nazzjonali ddedikata għall-annimali fejn numru ta’ voluntieri u għaqdiet ppreżentaw riforma għas-settur tal-ħarsien tal-annimali.
Matul din il-konferenza saru numru ta’ diskussjonijiet li fost l-oħrajn kienu jinvolvu voluntieri, esperti u veterinarji fejn issemmiet l-importanza ta’ din ir-riforma li tkun tiffoka fuq il-protezzjoni tal-annimali.
F’kummenti ma’ Net News Althea Galea li hija waħda mill-organizzaturi kif ukoll tippreżenta l-programm ‘Vuċi għall-Annimali’ fuq Net Television spjegatilna li dan is-settur għadu dgħajjef ħafna. U huwa propju għalhekk li permezz ta’ din il-konferenza preżentaw riforma sħiħa.
Hi fissret ukoll uħud mill-proposti li qed iressqu għas-settur tal-annimali fosthom li l-kura tal-annimali tkun f’idejn dawk l-individwi jew NGOs li għandhom esperjenza fis-settur.
Darryl Grima li huwa l-Fundatur ta’ Vuċi għall-Annimali qal li wasal iż-żmien fejn l-annimali jkunu protetti mhux sempliċiment immaniġjati; għaliex l-annimali ma jitolbux drittijiet u għalhekk irridu nkunu aħna li nitolbu d-drittijiet għalihom.

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg illi fakkar li kien Gvern Nazzjonalista li kien fetaħ sptar iddedikat għall-annimali u li kien il-Gvern ta’ Robert Abela li għalqu – b’dan l-isptar tant importanti ilu ma jopera għal dawn l-aħħar 30 xahar.

Hu qal ukoll li Gvern ġdid Nazzjonalista jintrabat illi jiddedika Ministeru għall-Annimali għaliex il-Partit Nazzjonalista minn dejjem kellu għal qalbu dan il-qasam.
Intant, il-Partit Nazzjonalista ressaq diversi proposti għas-settur tal-annimali fosthom li l-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali għandu jkun awtonomu, b’poteri li jinvestiga verament – mingħajr il-biża’ li s-sena ta’ wara l-Kummissarju jitneħħa jew titneħħa
Proposta oħra hi li bl-għajnuna finanzjarja mill-Gvern, ikunu l-NGOs f’dan il-qasam li bl-esperjenza u l-għarfien tagħhom jagħmlu x-xogħol li suppost qed jagħmel illum id-Direttorat. Biex minflok, dan jiffoka esklussivament fuq ir-regolamentazzjoni.





