Colin Schembri
Hibernians 95
(26-21)(17-25)(21-20)(26-29)
Hibernians bdew id-difiża tat-titlu tagħhom b’rebħa fuq Starlites Revive 90-95 f’partita bilanċjata u intensiva fejn id-dettalji għamlu d-differenza, b’Hibs juru aktar effettività fit-tranżizzjoni u fil-mumenti kruċjali tal-logħba.
Din kienet is-seba’ partita bejn dawn iż-żewġ timijiet dan l-istaġun bi Starlites jerbħu s-sitt partiti ta’ qabel. Minkejja statistika pjuttost simili fiż-żona u fil-perċentwali ġenerali, Hibernians kellhom vantaġġ f’punti minn turnovers (19 kontra 11) u punti mill-offensive rebounds (26 kontra 18), elementi li tawhom aktar pussess u opportunitajiet deċiżivi.
Individwalment, Ayomide Ajiboye kien il-protagonista assolut għal Hibernians b’31 punt u 9 rebounds, megħjun tajjeb minn Deonte Jackson li żied 24 punt, speċjalment fit-tranżizzjoni, u Ivan Demcesen li kellu 19-il punt importanti inkluż fil-fażijiet finali. Min-naħa ta’ Starlites, Jackson Threadgill mexxa l-attakk b’22 punt, filwaqt li Jayden Iturmendi (16-il punt) u Musa Jallow (15-il punt) kellhom ukoll mumenti pożittivi li żammew lit-tim tagħhom fil-konfront.
Il-partita bdiet b’ritmu għoli u bilanċjat. Fit-tielet minuta tal-ewwel sessjoni Starlites kienu 6-4 minn fuq wara punti minn Alec Felice Pace u Travis Fee. Sas-sitt minuta kabbru l-vantaġġ għal 15-11 bi trippla ta’ Musa Jallow. Huma komplew jikkontrollaw l-aħħar minuti biex għalqu l-ewwel sessjoni 26-21 minn fuq. Fit-tieni sessjoni waslet ir-reazzjoni immedjata ta’ Hibernians. Fl-ewwel żewġ minuti għamlu run ta’ 11-2 bi trippla ta’ Jackson u punti ta’ Ajiboye marru minn fuq 32-28, Sas-seba’ minuta, Hibs fetħu vantaġġ ta’ ħames punti 40-35, u minkejja li Starlites resqu viċin fl-aħħar minuti, Hibs daħlu fil-mistrieħ 46-43 minn fuq.
Fit-tielet taqsima, Hibernians komplew jibnu fuq il-vantaġġ tagħhom. Huma kabbru d-distakk 52-43 bi trippla ta’ Matthew Gouder, u laħqu vantaġġ massimu ta’ disa’ punti. Madankollu, Starlites wieġbu b’mod determinat u sas-sitt minuta naqqsu d-distakk għal punt wieħed 57-58 b’run ta’ 8-0. Minkejja dan, Hibs żammew kontroll fl-aħħar minuti u għalqu t-taqsima 66-64 minn fuq. L-aħħar sessjoni kienet waħda drammatika u mimlija tibdil fil-vantaġġ.
Fil-bidu Hibernians komplew minn fejn ħallew u kabbru l-vantaġġ, iżda Starlites baqgħu dejjem fil-viċin. Madwar is-sitt minuta, Starlites ippareġjaw bi skor ta’ 79-79. Starlites saħansitra marru minn fuq 87-86 wara punti minn Matthew Scerri u Jackson Threadgill. Madankollu, Hibernians wieġbu immedjatament u b’punti kruċjali minn Ajoboye u Demcesen reġgħu ħadu l-vantaġġ u għalqu l-partita 95-90 minkejja tentattiv finali minn Starlites li naqqsu d-distakk b’three-pointer lejn it-tmiem.
Starlites Revive: A. Felice Pace 6, K. Fabri, T. Fee 12, A. Aquilina, S. Pace, I. Felice Pace 3, M. Fabri, M. Scerri 14, J. Iturmendi 16, J. Threadgill 22, K. Xuereb 2, M. Jallow 15.
Hibernians: N. Cassar 4, E. Simmons 3, A. Ajiboye 31, L. Farrugia, P. Stelmach 4, V. Kustudija, M. Gouder 3, D. Jackson 24, M. Attard, I. Demcesen 19, S. Simic 3.
Referees: Bernard Vassallo, Jacques Seifert, Zvezdan Dobrosaviljevic
//= $special ?>

