Lokali Qorti

Mara tammetti li kisret il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest wara li nqabdet issuq mingħajr liċenzja

Mara mill-Venezwela ta’ 32 sena ammettiet li kisret il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuqha wara li nqabdet issuq mingħajr liċenzja valida u assigurazzjoni.

Iriceth Vanessa Carabia Araujo dehret quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, fejn wieġbet ħatja li naqset milli tosserva l-kundizzjonijiet imposti fuqha mill-Qorti Kriminali fi proċeduri preċedenti.

Il-qorti semgħet li Carabia nqabdet issuq vettura f’April 2026 minkejja li kienet taħt kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest. Hi ukoll kienet qed issuq mingħajr liċenzja valida maħruġa minn Transport Malta u mingħajr polza ta’ assigurazzjoni li tkopri riskji ta’ terzi.

Il-każ huwa marbut ma’ proċeduri preċedenti li jmorru lura għall-2015, fejn Carabia kienet mixlija b’akkużi serji relatati mal-importazzjoni u t-traffikar ta’ madwar 11-il kilo kokaina.

Wara l-ammissjoni tagħha, il-qorti sabitha ħatja u kkundannatha sitt xhur ħabs, sospiżi għal sena. Il-qorti ordnat ukoll il-konfiska ta’ €500 mid-depożitu tal-ħelsien mill-arrest tagħha.

Barra minn hekk, Carabia hija skwalifikata milli żżomm jew tikseb liċenzja tas-sewqan għal perjodu ta’ sena.

Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispetturi Gabriel Kitcher u Karen Cassar, filwaqt li l-akkużata kienet assistita mill-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.