Opinjoni

Opinjoni: In-normalizzazzjoni tal-ħmieġ

Fl-2016, jien ħriġt il-ktieb L-Aqwa fl-Ewropa: Il-Panama Papers u l-Poter, li fih analizzajt l-iskandlu tal-Panama Papers imma wkoll il-Gvern ta’ Muscat
Bħala poplu ma għadniex nemmnu fir-rettezza? Sar normali li min ikollu l-poter jixxaħxaħ fil-ħmieġ bħalma qażquż jitqalleb bil-ħama u t-tajn?

Mark A. Sammut Sassi

Ġara xi ħaġa fil-politika. Nixtieq kieku l-esperti fil-psikoloġija jiddiskutuh dan li għaddej. Jien naħseb li l-fenomenu li qed nixhdu fi żmienna hu li wieħed jidra.
Il-moħħ donnu jidra kollox, kemm l-ikreh kemm is-sabiħ, kemm it-tajjeb kemm il-ħażin. Bħalmin ikun jgħix f’belt sabiħa jew kerha: tant jidra li jekk ikun jgħix f’belt sabiħa, il-ġmiel ma jarahx, u jekk ikun jgħix f’belt kerha, il-kruha ma jarahiex. Is-sbuħija u l-kruha jsiru normali.
Bħalma aħna l-Maltin tant aħna mdorrijin bit-temp sabiħ (ħlief għall-aħħar ftit ġimgħat) li qajla napprezzawh; mentri t-turisti ġejjin minn pajjiżi ‘griżi’, it-temp sabiħ tagħna jsaħħarhom.
L-istess jiġri għal min trabba f’familja tajba – tant jidraha t-tjieba, li ma jintebaħx li d-dinja miżgħuda ħażen. U bħalmin trabba f’familja abużiva – tant jidrah l-abbuż li għalih ma jkunx normali ambjent familjari mingħajr abbuż.

In-normalizzazzjoni
Naħseb dan hu l-punt. In-normalizzazzjoni. Li xi ħaġa li mhix tajba tant issir komuni li ssir normali. Bħallikieku kulħadd jibda jodrob lill-oħrajn bil-mus u tant ikun hawn inċidenti bl-imwies, li jsiru normali.
Din-normalizzazzjoni hi ta’ inkwiet kbir. Fil-pajjiż rajna ammont tal-għaġeb ta’ skandli u abbużi. U tant għaddhom hu kbir li kważi saru normali. Il-pajjiż donnu nnormalizza l-iskandli.
Inqabblu llum ma’ 10 snin ilu
Fl-2016, jien ħriġt il-ktieb L-Aqwa fl-Ewropa: Il-Panama Papers u l-Poter, li fih analizzajt l-iskandlu tal-Panama Papers imma wkoll il-Gvern ta’ Muscat. Għaddew 10 snin, u erġajt ħarist ftit lejh. U ‘skoprejt’ xi ħaġa interessanti, inkwetanti u deprimenti.
Ilna mill-anqas 10 snin nismgħu b’nies minn ambjenti differenti jitkażaw bl-iskandli. F’dak il-ktieb, ikkwotajt darbtejn lil Desmond Zammit Marmarà, dak iż-żmien attivist tal-Partit Laburista tal-affari tiegħu ħafna.
Desmond Zammit Marmarà kiteb hekk f’artiklu jismu Loss of values in politics u pubblikat f’The Times of Malta nhar it-Tlieta 11 ta’ Ottubru 2016, ‘It is more than obvious that when your primary aim as a politician is to attain high public office and become rich at the same time, you are bound to start from day one with a conflict of interest. Furthermore, if your pecuniary interests occupy a prime place on your personal agenda, how are you going to resist the many temptations to use your power to further such interests?’
“Hu minn ewl id-dinja li jekk l-għan ewlieni tiegħek bħala politiku hu li tikseb il-poter u fl-istess waqt issir sinjur, bilfors se jkollok tibda mill-ewwel jum b’kunflitt ta’ interess. Aktar minn hekk, jekk l-interess tiegħek fil-flus ikollu post minn ta’ quddiem fl-aġenda personali tiegħek, kif se tkun tista’ tirreżisti l-bosta tentazzjonijiet li tuża l-poter biex tindokrah dak l-interess?”
F’dak l-istess artiklu, Zammit Marmarà ssokta dwar ‘… the idea that one can aim for public office and becoming rich at the same time. I wonder what an epitome of moral rectitude like Paul Boffa would have thought of this. Whatever happened to the idea of politics as public service?’
“l-idea li wieħed jista’ jfittex li jokkupa kariga pubblika u jsir sinjur fl-istess ħin. Minjaf xempju ta’ rettezza morali bħalma kien Pawlu Boffa x’kien jgħid dwar dan kollu. Xi ġralha l-idea tal-politika bħala servizz pubbliku?”
L-istess Zammit Marmarà, f’artiklu ieħor jismu Problems Labour must tackle, ippubblikat f’The Times of Malta nhar l-Erbgħa 17 ta’ Awwissu, 2016, kiteb hekk: ‘… is the Labour Party, as we previously knew it, now dead and buried?’
“Il-Partit Laburista, kif konna nafuh qabel, issa miet u ndifen?”
Dak il-kliem Zammit Marmarà kitbu għaxar snin ilu. X’ġara f’dal-10 snin? Saru żewġ elezzjonijiet u minkejja li l-elettorat kollu konxju minn x’ġara u ra ħafna ħmieġ, il-Partit Laburista rebaħ darbtejn fuq xulxin.
Filwaqt li hu minnu li kien hemm mument meta l-Partit Nazzjonalista ntilef jiġri wara l-miraġġ tal-liberaliżmu, u b’hekk dejjaq lil ħafna nies, hu minnu wkoll li l-pajjiż spiċċa taħt il-għargħar ta’ ħmieġ u korruzzjoni u skandli li wieħed qatt f’mitt sena ma seta’ joħlomhom. L-aħħar wieħed, li tinbidel il-liġi biex ċerti nies jaħarbu mill-konsegwenzi kriminali ta’ għemilhom.

X’ġara?
Dan ifisser li nbidlet xi ħaġa fil-pajjiż. Il-ħmieġ sar normalizzat.
Bħala poplu ma għadniex nemmnu fir-rettezza? Sar normali li min ikollu l-poter jixxaħxaħ fil-ħmieġ bħalma qażquż jitqalleb bil-ħama u t-tajn?
Ir-retezza hi l-kwalità morali ta’ min iġib ruħu b’onestà, integrità u korrettezza, billi jimxi wara l-prinċipji etiċi. Tfisser li wieħed jaġixxi b’fermezza biex jagħmel dak li hu tajjeb, b’sinċerità u lealtà.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 16 ta’ April, 2026.