Opinjoni

Opinjoni: Malta jistħoqqilha tkun aqwa… b’bidla fil-gvern

Kemm jistħoqqilha Malta tkun aqwa! Kemm jistħoqqlu l-poplu Malti jkollu gvern li veru jirrispetta d-drittijiet tiegħu

Dione Borg
Kandidat PN
Ħdax-il Distrett

Kemm jistħoqqlu l-poplu Malti jkollu gvern li jirrispetta l-istituzzjonijiet tiegħu u ma jikkalpestahomx. Kemm jistħoqqlu l-poplu Malti jkollu gvern li ma jkunx korrott.
Bil-provi; il-poplu Malti jistħoqqlu Malta aqwa. Il-poplu Malti jistħoqqlu Malta aqwa fil-mod kif hu jkun trattat mill-istess politiċi tal-gvern. Jistħoqqilna Malta aqwa fil-kwalità tal-ħajja għaliex il-poplu jistħoqqlu Malta aqwa fil-kwalità tal-ħajja. Jistħoqqilna Malta aqwa fil-mod kif il-gvern jonqos milli jirrispetta l-Parlament Malti. Anzi l-ogħla istituzzjoni, ma tingħatax l-informazzjoni neċessarja li l-gvern obbligat jagħti.
Wara li fil-passat il-Partit Laburista bellagħha lill-poplu Malti li ‘l-aqwa żmien għadu ġej’ issa qed jipprova jinganna lin-nies billi jgħidilhom ‘Malta aqwa’.
Iżda fil-verità, il-poplu Malti jistħoqqlu Malta aqwa fis-settur soċjali; fil-mod kif fl-aħħar 13-il sena ċertu lokalitajiet tilfu l-karatteristiċi tagħhom u l-identità tagħhom u saru lokalitajiet li ma jingħarfux minn dik is-sbuħija li kienu fiha qabel. Bla dubju li l-poplu Malti jistħoqqlu Malta aqwa fil-mod kif jiġi ggvernat; jistħoqqilna Malta aqwa fil-livell u l-kwalità ta’ governanza li biha jitmexxa l-pajjiż.
Jistħoqqilna Malta aqwa fit-trasparenza politika u mhux Prim Ministru li jaħbi d-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-ministri. Din mhijiex Malta aqwa iżda Malta inqas fil-livell.
Il-Partit Laburista qed jipproteġi lilu nnifisu bħala dak il-partit li kapaċi jagħti Malta aqwa lill-poplu Malti meta l-verità hi li kienu l-aħħar 13-il sena li tellfu lill-poplu Malti diversi kisbiet li kienu għamlu gvernijiet Nazzjonalisti.
Fost dawn hemm il-kredibbiltà internazzjonali tal-pajjiż, ir-rispett internazzjonali li kellha Malta fil-fora internazzjonali, il-ħolqien ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda, ekonomija bbażata fuq il-kwalità, sostenibbiltà ekonomika, opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità għall-poplu Malti, investiment qawwi fl-edukazzjoni, infrastruttura adegwata għall-ħtiġijiet tal-poplu Malti, fondi mill-UE u tant kisbiet oħrajn.
Bla dubju li l-poplu Malti jistħoqqlu Malta aqwa iżda żgur mhux fuq il-mudell sostnut mill-Gvern Laburista. Dan kien mudell lil Malta u lill-poplu Malti ġablu sfidi u diffikultajiet f’setturi li qabel ma kinux hemm.
Fost dawn hemm il-popolazzjoni esaġerata li l-Gvern Laburista ġab fl-aħħar 13-il sena. Xi tfisser Malta aqwa… li l-popolazzjoni titla’ għal 800,000 kif kien qal il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana? Xi tfisser Malta aqwa… li jibqa’ ma jkunx hawn kontroll fuq il-mod kif qed tiżdied il-popolazzjoni? Xi tfisser Malta aqwa… li tibqa’ pressjoni kbira fuq l-infrasttutura? Malta aqwa tfisser li ma jsir8x il-pjani meħtieġa dwar il-futur ta’ pajjiżna? Malta aqwa tfisser ministri tal-gvern li ma jkunux kontabbli lejn il-poplu? Malta aqwa tfisser gvern bla pjan dwar it-traffiku? Jew li jibqa’ jinqered l-ambjent naturali ta’ pajjiżna? Malta aqwa tfisser gvern li jaħbi l-verità mill-poplu? Jew Prim Ministru li jiġi akkużat b’akkużi serji minn Imħallef li għadu jopera?
Jekk għall-Partit Laburista, Malta aqwa tfisser kontinwazzjoni ta’ dak li l-poplu Malti għadda minnu fl-aħħar 13-il sena, allura l-Partit Laburista qed jaħseb biss fih innifsu u mhuwiex ipoġġi l-interess nazzjonali bħala prijorità. Għaliex bla dubju li l-poplu Malti, pajjiżna, mhux kontinwazzjoni tal-aħħar 13-il sena għandu bżonn iżda bidu politiku ġdid li jagħti tama ġdida lil pajjiżna. Pajjiżna għandu bżonn Malta aqwa mibnija fuq is-sewwa, fuq dak li verament jagħmilna Maltin. Pajjiżna għandu bżonn Malta aqwa mibnija fuq il-ġustizzja li titwettaq minn ġudikatura li ma tkunx attakkata għax tagħmel id-doveri tagħha.
Il-poplu Malti għandu bżonn Malta aqwa li tħares ‘il quddiem u mhux Malta li tkun marbuta u trid dejjem tipprova ssolvi skandli tal-passat u korruzzjoni mwettaq mill-Gvern Laburista.
Il-poplu Malti għandu bżonn Malta aqwa li tkun ġenwina li fiha l-poplu Malti jaf li għandu ekonomija bbażata fuq il-kwalità u mhux fuq id-dejn li ma jkunx sostenibbli. Pajjiżna għandu bżonn bidla; għandu bżonn gvern ġdid immexxi mill-PN li kif diġà għamel kull meta kien fil-gvern, joħloq ekonomija ta’ kwalità bbażata fuq opportunitajiet għall-istudenti, żgħażagħ u ħaddiema Maltin u Għawdxin. Għall-PN, Malta aqwa tfisser investiment qawwi u meħtieġ fil-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer u mhux vapuri second hand li ma jistħoqqux lill-poplu Malti.
Hu tajjeb li l-Prim Ministru issa qed jirrikonoxxi l-bżonn ta’ Malta aqwa. Ir-responsabbiltà li Malta mhijiex aqwa hi biss tal-Gvern Laburista mmexxi minnu li mhux biss ma żammx mal-wiegħdi elettorali li għamel iżda għamel l-oppost.
Aħna rridu Malta li ma titpoġġa qatt fil-lista l-griża, li ma tkunx kundanna qatt mill-istituzzjonijiet Ewropej jew mill-Parlament Ewropew, li ma tkunx ikkundannata mill-qrati tal-ġustizzja Ewropej… irridu Malta Maltija li toffi futur ibbażat fuq politika mibnija fuq is-sewwa.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 12 ta’ April, 2026.