Angelo Micallef
Dejjem emmint, u hekk nibqa’ nemmen, li fid-dinja m’hawn assolutament ħadd li hu ’l fuq mill-kritika. Kulħadd hu suġġett għal kritika u kulħadd hu suġġett għal fehmiet u opinjonijiet differenti.
F’soċjetà demokratika huwa normali li jkun hemm fehmiet differenti u huwa tajjeb li jkun dibattitu miftuħ dwar dawn il-fehmiet differenti. Politiċi, opinjonisti, mexxejja ċivili, mexxejja reliġjużi u għaqdiet mhux governattivi għandhom kollha jilqgħu l-opportunità ta’ dibattitu miftuħ f’soċjetà libera.
Għalhekk fiha nnifisha ma fiha xejn ħażin billi wieħed jesprimi opinjoni fuq saħansitra l-mod kif ikun qiegħed imexxi l-Knisja Kattolika l-Papa. Ma fiha xejn ħażin li wieħed jesprimi nuqqas ta’ qbil ma’ xi deċiżjoni jew stqarrija li tkun saret mill-Vatikan jew mill-Papa nnifsu. Però bħal kollox, fid-dinja hemm mod u mod kif wieħed jagħmel il-punt tiegħu.
Meta wieħed biex jagħmel punt jirrikorri għad-disprezz, għad-disrispett u għal kliem li juri nuqqas ta’ apprezzament tal-piż li ċertu kliem għandu allura wieħed ikun qiegħed jonqos. Huwa propju għalhekk li l-kliem li esprima din il-ġimgħa l-President Amerikan Donald Trump fil-konfront ta’ Papa Ljun XIV huwa xokkanti.
Bniedem f’pożizzjoni hekk importanti u li ġġorr piż magħha, bħal dik tal-President tal-Istati Uniti, ma għandu qatt jirrikorri għal diżrispett ta’ dak il-livell.
Fuq il-pjattaforma soċjali tiegħu Truth Social, Trump saħaq li, “Leo should be thankful because, as everyone knows, he was a shocking surprise. He wasn’t on any list to be Pope, and was only put there by the Church because he was an American, and they thought that would be the best way to deal with President Donald J. Trump. If I wasn’t in the White House, Leo wouldn’t be in the Vatican. Unfortunately, Leo’s Weak on Crime, Weak on Nuclear Weapons, does not sit well with me, nor does the fact that he meets with Obama Sympathizers like David Axelrod, a LOSER from the Left, who is one of those who wanted churchgoers and clerics to be arrested. Leo should get his act together as Pope, use Common Sense, stop catering to the Radical Left, and focus on being a Great Pope, not a Politician. It’s hurting him very badly and, more importantly, it’s hurting the Catholic Church!”.
Ejjew niftakru li qed nitkellmu fuq bniedem li ddedika ħajtu kollha għas-servizz tal-fidi, l-ewwel bħala qassis, imbagħad bħala Isqof u issa bħala Papa. Niftakru li qed nitkellmu fuq bniedem li fi kliemu jispikka sens qawwi ta’ umiltà, imħabba lejn l-umanità u lealtà assoluta lejn dak li nsibu miktub fl-iskrittura fejn tidħol il-paċi f’din l-art. Ejjew niftakru li dan mhux xi rivali politiku, li wkoll ikun ħaqqu kull rispett fuq livell personali, imma fuq mexxej reliġjuż li fiċ-ċentru tal-ħidma tiegħu għandu l-avvanz tal-fidi.
Kliem Donald Trump ikompli juri li Trump hu bniedem li lanqas biss għandu l-iċken idea ta’ xi jfissru l-kliem rispett u dinjità. Ikompli juri li Trump hu President perikoluż li lest ikisser bl-eħrex mod possibbli lil kull min b’xi mod ma jaqbilx mar-reġim Repubblikan li bħalissa ħataf il-politika Amerikana.ż
Iridha ta’ paladin tal-Kristjaneżmu
Trump spiss ħabbat fuq sidru biex jipprova jilgħabha bħala xi paladin tal-Kristjaneżmu. Mhux se nidħol f’dibattitu reliġjużi għax mhux posti nieħu sehem f’dibattitu teoloġiku, imma bi kliemu Trump kixef il-veru kuluri tiegħu u kixef kemm għalih li jilgħabha ta’ paladin tal-Kristjaneżmu mhi xejn għajr reċta biex jipprova jirbaħ il-vot ta’ dawk influwenzati mir-reliġjon fl-Istati Uniti.
Trump saħaq li Papa Ljun XIV qiegħed, bl-aġir tiegħu jweġġa’ l-Knisja Kattolika. Jekk hawn xi ħadd li qed iweġġa’ hu Trump lir-reputazzjoni tal-Istati Uniti. Qatt fl-istorja ma’ kien daqstant ċar li l-Istati Uniti hija ‘at best unreliable’ u ‘at worst’ ta’ theddida ċara għall-istabbiltà fid-dinja.
Il-bniedem li pprotesta għax ma’ rebaħx il-Premju Nobel għall-Paċi, li hedded li b’daqqa ta’ buttuna jeqred poplu innoċenti sħiħ, li issa qiegħed jattakka lil min qiegħed isejjaħ għall-paċi!
Mhux ta’ b’xejn li fl-Istati Uniti qed jiżdiedu qatigħ dawk li qed isejħu biex tintuża l-25 emenda Kostituzzjonali kontra Trump. Tassew huwa dibattitu li f’dan l-istadju sar neċessarju!
Bniedem f’pożizzjoni hekk importanti u li ġġorr piż magħha, bħal dik tal-President ta’ l-Istati Uniti, ma għandu qatt jirrikorri għal diżrispett ta’ dak il-livell
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 16 ta’ April, 2026.
//= $special ?>

