Lokali Qorti

Il-ġuri dwar id-delitt f’Marsalforn: Aktar xhieda dwar l-investigazzjoni fir-raba’ jum tas-smigħ

Il-proċess quddiem ġurija dwar il-qtil allegat ta’ Fawaz Najem f’Marsalforn kompla jinstema’ quddiem l-Imħallef Neville Camilleri, hekk kif il-qorti qed tisma’ aktar xhieda dwar l-inċident vjolenti li seħħ fl-2022.
Il-każ jinvolvi lil Maher Aljasem, li jinsab mixli bil-qtil ta’ Najem, żagħżugħ ta’ 25 sena li tilef ħajtu kawża ta’ xokk ipovolemiku wara daqqa ta’ sikkina fatali waqt ġlieda li kienet tinvolvi diversi persuni.

Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Josef Gauci qal li minkejja tfittxijiet estensivi u s-sejba ta’ diversi skieken, l-awtoritajiet qatt ma setgħu jidentifikaw b’mod konklużiv l-arma li kkawżat il-ferita fatali.Tul is-smigħ, diversi xhieda – fosthom ħbieb tal-vittma u persuni li kienu jgħixu mal-imputat – taw verżjonijiet differenti ta’ dak li ġara. Xi wħud sostnew li grupp ta’ individwi daħlu bil-forza fir-residenza ta’ Aljasem armati b’pajpijiet u biċċiet tal-injam, filwaqt li oħrajn iddeskrivew l-episodju bħala ġlieda bejn diversi persuni.


L-imputat, min-naħa tiegħu, qal li kien attakkat minn individwi maskrati u li qabad sikkina li waqgħet minn but ta’ wieħed minnhom, u għamilha f’idejh waqt il-konfront. Madankollu, sostna li ma jistax jikkonferma jekk laqatx lil xi ħadd.Il-qorti rat ukoll filmati minn bodycams u minn mobiles li qabdu partijiet mill-inċident, iżda d-difiża qajmet dubji serji dwar il-kompletezza tal-investigazzjoni. Fost l-oħrajn, ġie enfasizzat li ma ġietx eżaminata filmati ta’ CCTV minn stabbilimenti fil-qrib.

Matul is-seduta tal-Erbgħa, id-difiża ffukat fuq inkonsistenzi fix-xhieda u qajmet mistoqsijiet dwar l-affidabbiltà tal-provi, inkluż in-nuqqas ta’ evidenza ċara li torbot lill-imputat mad-daqqa fatali, kif ukoll l-assenza ta’ traċċa kontinwa ta’ demm fuq il-post.Il-proċess mistenni jkompli llum, fejn il-qorti se tisma’ aktar xhieda relatati ma’ dan il-każ, fostom l-espert forensiku Mario Xerri.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati Angele Vella u Cynthia Tomasuolo f’isem l-Avukat Ġenerali. Għall-imputat qed jidhru l-avukati Peter Fenech, Elena Fenech u Amy Zahra, filwaqt li l-familja tal-vittma hija rrappreżentata minn Franco Debono u Matthew Xuereb.