Malti ta’ 31 sena residenti l-Marsa ġie arrestat mill-Pulizija ftit ħin biss wara li allegatament wettaq serqa f’ħanut fi Triq l-Irmiġġ, fl-Imsida. Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tal-ħdax ta’ bil-lejl.
Mill-investigazzjonijiet preliminari rriżulta li raġel, armat b’arma li taqta u bil-ponta, daħal fil-ħanut u talab il-flus lill-kaxxier, raġel ta’ 36 sena residenti l-Marsa.
L-impjegat ipprova jimbotta lill-agressur ‘il barra mill-ħanut u kien f’dan il-mument li ntlaqat mill-arma f’idu. Il-ħalliel seraq ammont ta’ flus kontanti u ħarab minn fuq il-post.
Wara li l-Pulizija ngħataw id-deskrizzjoni tal-allegat ħalliel, immedjatament bdew it-tfittxijiet u kien ftit qabel is-siegħa ta’ dalgħodu meta ir-raġel ġie nnotat fi Triq it-Tiġrija, il-Marsa u ġie arrestat.
Huwa qed jinżamm arrestat u mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem illi ġejjin.
Il-Maġistrat Dr Philip Galea Farrugia kien infurmat u ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>

