Lokali Qorti

Raġel illiberat minn akkużi ta’ kaċċa u nsib illegali

Manuel Muscat, ta’ 48 sena, ma nstabx ħati mill-Qorti fuq akkużi ta’ kaċċa u nsib fl-Imġarr mingħajr liċenzja valida, wara allegazzjonijiet li pprova jaqbad għasfur waqt staġun magħluq u li opera fuq sit mhux irreġistrat. Dan il-każ huwa relatat ma’ nsib.

Il-każ kien jinvolvi allegat inċident li seħħ fil-11 ta’ Marzu 2025, fiż-żona ta’ Torri ta’ Lippija, qrib il-mogħdija lejn il-bajja tal-Ġnejna. Żewġ xhieda qalu li raw persuna tħaddem mansab u twaqqaf xbieki, iżda meta waslu l-Pulizija, ir-raġel kien telaq minn fuq il-post.

Il-Pulizija xehdu li meta waslu sabu mansab żarmat u ftit ‘il bogħod lil Muscat, li qal li kien hemm biss għal kwiet ħdejn il-baħar. Fit-tfittxija fil-vettura tiegħu ma nstab l-ebda materjal relatat mal-kaċċa jew l-insib. Aktar tard, ix-xhieda għaddew filmat lill-Pulizija, u l-imputat reġa’ ġie interrogat, iżda ċaħad li hu l-persuna fil-filmat u sostna li l-mansab ma kienx tiegħu.

Anke l-persuni li għamlu r-rapport fuq l-akkużat ma kienux ċari fix-xhieda tagħhom, fejn fil-fatt lanqas biss identifikaw lil Muscat fl-awla. Dan minkejja li xhud minnhom qalet li kellha viżwali perfetta tan-nassab u setgħet tara wiċċu sew. Minkejja li l-filmati esebiti fil-Qorti bl-akkużat biss għal ftit sekondi, b’mod li f’temp daqshekk qasir żgur mhux possibbli li wieħed seta’ jara wiċċ il-persuna, u li iktar minn hekk wiċċu kien nofsu mgħotti b’beritta u nuċċali tax-xemx.

Id-difiża mmexxija mill-Avukat David Gatt argumentat li l-każ kien ibbażat fuq suppożizzjonijiet u li ma kien hemm l-ebda prova diretta li torbot lill-akkużat mal-filmati jew mas-sit tal-insib. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Ann Marie Thake, osservat li x-xhieda ma għamlux identifikazzjoni diretta tal-imputat fl-awla u li fil-filmat il-persuna tidher għal ftit sekondi biss u mgħottija b’beritta u nuċċali tax-xemx.

Għaldaqstant, il-Qorti qalet li kien hemm dubju raġonevoli dwar l-identità tal-persuna u għalhekk illiberat lil Muscat minn kull akkuża. Għall-imputat deher l-avukat David Gatt.