Raġel ta’ 31 sena, Josef Seychell, ġie kkundannat tliet snin ħabs wara li ammetta sensiela ta’ reati relatati ma’ serq u attentat ta’ serq, f’każ li jmur lura għal Frar tal-2025.Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia, li sabet lill-imputat ħati wara ammissjoni inkondizzjonata tiegħu stess waqt il-proċeduri.
Mill-atti tal-qorti jirriżulta li Seychell kien ipprova jisraq flus minn ATM tal-Bank of Valletta f’Ħal Kirkop, iżda dan l-attentat ma rnexxiex minħabba ċirkostanzi indipendenti mill-volontà tiegħu.
Huwa kien akkużat ukoll li pprova jikseb qligħ b’qerq, kif ukoll li wettaq serq minn stabbiliment, fejn insterqu flus kontanti u oġġetti oħra b’valur li jaqbeż €2,300.Barra minn hekk, il-qorti sabitu ħati li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li kienu imposti fuqu f’każ preċedenti, kif ukoll li huwa reċidiv fid-dawl ta’ kundanni oħra fil-passat.Fis-sentenza tagħha, il-qorti qieset diversi fatturi, fosthom il-fedina penali tal-imputat, li turi kundanni preċedenti relatati ma’ serq, kif ukoll il-fatt li l-ammissjoni tiegħu saret sena wara li bdew il-proċeduri.
Il-qorti nnutat ukoll li l-imputat kien qed ibati minn vizzju tad-droga fiż-żmien meta twettqu r-reati, fatt li tqies bħala ċirkostanza attenwanti.Minbarra l-piena ta’ priġunerija, il-qorti ordnat li Seychell jitqiegħed taħt ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ tliet snin, bil-għan li jingħata għajnuna biex jegħleb il-problemi relatati mad-droga.
Huwa ġie ordnat ukoll iħallas madwar €5,620 f’kumpens lill-vittmi, kif ukoll l-ispejjeż tal-esperti relatati mal-każ.Il-qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin fil-konfront tal-imputat favur il-persuni milquta, li se tibqa’ fis-seħħ għal perjodu ta’ tliet snin wara li jiskadi s-sentenza.
//= $special ?>

