Lokali

Twissija minħabba kjuws itwal, u possibbilment anke dewmien

L-ajruport qiegħed jipprepara għall-aktar sajf impenjattiv tiegħu, fejn it-traffiku tal-passiġġieri mistenni jilħaq l-ogħla numri kull nhar ta’ Ħamis. Passiġġieri li ser jivvjaġġaw lejn destinazzjonijiet li mhumiex fiż-Żona Schengen huma mfakkrin li kontrolli tal-passport ġodda li qegħdin jieħdu aktar ħin jista’ jkun li jirriżultaw fi stennija itwal f’dan il-punt.

Il-passiġġieri jistgħu jistennew ukoll li jesperjenzaw inkonvenjenzi żgħar, hekk kif l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jkompli jimplimenta l-programm ta’ investiment tiegħu, bil-għan li tissaħħaħ l-infrastruttura u tittejjeb l-effiċjenza fl-operat.

Waħda miż-żoni fejn bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet huwa l-parkeġġ prinċipali tal-ajruport. Sal-aħħar ta’ April, dan il-parkeġġ ser ikun jista’ jakkomoda 100 karozza addizzjonali. Dawn ix-xogħlijiet jiffurmaw parti mill-ewwel fażi ta’ proġett usa’, li permezz tiegħu l-ajruport ser ikompli jtejjeb il-faċilitajiet ta’ parkeġġ u l-konvenjenza għall-passiġġieri.

Fit-terminal, proġett ta’ rikonfigurazzjoni fil-qalba tal-binja diġà wassal sabiex ġew irduppjati l-gates fejn wieħed jiskennja l-biljett tal-ajru u żdied l-ispazju ta’ ċirkolazzjoni f’dan il-punt.

Sadanittant, għadhom għaddejjin xogħlijiet sabiex jinbidel l-escalator li mis-sala tal-wasliet iwassal għall-food court fis-sular -1, kif ukoll sabiex jintuża aħjar l-ispazju ddedikat għall-ħwienet. Barra minn hekk, għaddejjin xogħlijiet fis-sala tat-tluq sabiex, sal-aħħar ta’ April, jiżdied l-ispazju ta’ ċirkolazzjoni fejn isiru l-kontrolli tal-passaporti.   

Filwaqt li jiskuża ruħu ta’ kwalunkwe inkonvenjent ikkawżat minn dawn ix-xogħlijiet, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jixtieq jirringrazzja lill-passiġġieri tal-kooperazzjoni tagħhom. L-ajruport iħeġġeġ lil dawk li ser ikunu qegħdin jivvjaġġaw sabiex:

  • Jużaw modi alternattivi għall-vettura privata tagħhom sabiex jaslu l-ajruport.
  • Iżommu l-likwidi u t-tagħmir elettroniku fil-bagalja meta jagħmlu l-iskrining tas-sigurtà. Filwaqt li ġkieket, ċintorini u affarijiet fil-bwiet għandhom jitneħħew qabel wieħed jgħaddi mid-detectors tal-metall, iż-żraben m’hemmx għalfejn jitneħħew.
  • Jipproċedu lejn il-gate tagħhom meta din titħabbar fuq il-monitors.
  • Isegwu s-sinjali li jwasslu għat-toilets u rotot alternattivi.