F’diskors ta’ aktar minn 30 minuta, il-Prim Ministru Robert Abela ħalla lill-poplu Malti u Għawdxi f’inċertezza dwar meta se tkun qed issir l-elezzjoni ġenerali li jmiss, dan minkejja li d-diskors tiegħu kien mimli diskors li jista’ jagħti x’jifhem li l-elezzjoni se tkun waħda bikrija. Tant li bosta qed jispjegaw li dan il-fatt qed iħalli inċertezza kbira fost in-negozji u l-familji Maltin u Għawdxin.
Robert Abela ftaħar li f’pajjiżna biss l-enerġija baqgħet sostenibbli, konvenjentament mingħajr ma semma’ kif il-Ġimgħa filgħodu ħarab totalment milli jwieġeb lill-midja lokali – dan meta ġie mistoqsi dwar il-kuntratt tal-enerġija li se jkun qed jiskadi fit-13 ta’ Awwissu ta’ din is-sena.
Fost attakki partiġġjani, Robert Abela, iddikjara li l-Ġimgħa filgħodu qasam pjan ċar mal-imsieħba soċjali iżda ma spjegax dwar x’inhu dan il-pjan li għandu, jew fiex waslu d-diskussjonijiet tal-Gvern b’rabta ma’ dan il-kuntratt li se jkun qed jiskadi ftit inqas minn 4 xhur oħra.
F’dan id-diskors, il-Prim Ministru ma semma’ xejn dwar it-trasport tal-massa li nefaq il-miljuni sabiex iħabbru fi pjazza Tritoni snin ilu, u li issa qed jgħid li se jagħmel wara l-elezzjoni ġenerali. Wisq anqas tkellem dwar is-settur tas-saħħa, l-isptarijiet u x’se jkun qed jagħmel sabiex jindirizza l-kriżijiet fl-isptar Mater Dei.
Dan filwaqt li minkejja li d-Deputat mexxej Laburista Alex Agius Saliba, fid-diskors li wassal qablu, ddikjara li kien propju Gvern Laburista li mexxa l-quddiem il-konettività bejn il-gżejjer. Robert Abela ma semmiex tal-inqas darba, lill-gżira Għawdxija.
Surrealment, Robert Abela ftaħar li qed jagħti l-aġġustament għall-għoli tal-ħajja doppju – konvenjentament mingħajr ma semma’ li huwa jintaxxa dan l-aġġustament. Dan minkejja li l-Partit Nazzjonalista, l-NGOs u anke l-imsieħba soċjali ilhom ix-xhur twal jappelawlu sabiex ma jintaxxax dan l-aġġustament.
Fid-diskors tiegħu, Robert Abela ddikjara li l-Partit Laburista għandu track rekord. Rekord ta’ traffiku, splużjoni fil-popolazzjoni u żvilupp fost l-oħrajn.
//= $special ?>

