Il-fatt li l-Gvern ħalla l-Isptar għall-Annimali magħluq għal aktar minn 31 xahar qed iwassal għall-mewt ta’ aktar annimali. Bħalma ġara fil-każ ta’ kelb u xi qtates, li llum stess spiċċaw mietu għax ma ngħatawx is-servizz meħtieġ fil-ħin. U dan meta, biex jipprova jagħmel tajjeb għat-traskuraġni tiegħu, il-Gvern għamel ftehim ma’ klinika li iżda, fil-verità mhijiex attrezzata kif suppost.
Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister Janice Abela Chetcuti ntqal li kieku l-Isptar għall-Annimali għadu miftuħ, l-annimali li jinstabu feruti fit-triq jinġabru mill-ambulanzi tad-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali u jittieħdu hemm. Meta wieġeb għal diversi Mistoqsijiet Parlamentari, il-Ministru Anton Refalo kien qal li dawn qed ikunu kkurati fi klinika privata li suppost tagħti l-istess servizzi.
Iżda l-verità hi li l-klinika li l-Gvern ftiehem magħha u li qed tieħu post l-Isptar għall-Annimali mhijiex attrezzata kif suppost u għandha nuqqas ta’ mediċini u testijiet bżonjużi biex ma jinfirixx mard infettiv. Agħar minn dan kollu, il-veterinarju jżur din il-klinika wara l-4pm, filwaqt li l-livell tal-iġjene hu ferm aktar baxx minn dak li wieħed jistenna.
Dan kollu wassal biex aktar kmieni llum, kelb u xi qtates (kittens) spiċċaw mietu minħabba li kellhom jistennew sa wara l-4pm sakemm jasal il-veterinarju. Għall-Partit Nazzjonalista mhux aċċettabbli li l-annimali jkollhom jaffaċċjaw din il-kattiverja li m’għandha qatt tkun ittollerata.
Id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali suppost isalva lill-annimali mit-triq jew minn postijiet li jkunu qed jiġu maħqura jew abbużati. Iżda minflok qegħdin isibu serħan u fejqan, dawn qed jitpoġġew f’aktar periklu għal saħħithom.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Ministru u s-Segretarju Parlamentari responsabbli, flimkien mad-Direttorat, iwieġbu dwar kif baqa’ ma sar xejn biex dan is-servizz jingħata kif suppost, ladarba l-Gvern jidher li għad ma għandu l-ebda intenzjoni jiftaħ l-Isptar għall-Annimali.
Filwaqt li jibqa’ jistenna li xi ħadd jerfa’ responsabbiltà għal din l-insensittività fil-konfront tal-annimali, kif qal ilbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex Borg waqt l-ewwel konferenza nazzjonali dwar l-annimali, Gvern ġdid Nazzjonalista jwettaq riforma olistika f’dan il-qasam. Fost l-oħrajn ilbieraħ il-Kap tal-PN sostna li d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali ma għandux jibqax operatur imma jkun regolatur ta’ dan il-qasam.
Gvern ġdid Nazzjonalista jaħtar Ministeru li jkun iddedikat għall-ħarsien tal-annimali. Dan mhux biss biex ikun żgurat li l-annimali jkunu trattati kif jixirqilhom, imma wkoll biex kemm l-annimali u anke dawk kollha li jħobbuhom u jrabbuhom b’tant għożża jingħataw vuċi.
//= $special ?>

