Wirja apposta mtellgħa għat-tfal tal-impjegati tal-Bank tissottolinja l-impenn tal-BOV għall-benesseri olistiku tal-impjegati u għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Dan kien possibbli bl-appoġġ tal-Fondazzjoni BOV u bil-patroċinju fit-tul tal-Bank għall-arti.
“Fil-Bank of Valletta, nemmnu fil-benesseri sħiħ tal-persuna, li jinkludi wkoll il-ħin u l-ispazju biex ikunu preżenti għall-familja tagħhom, biex jibqgħu qrib xulxin, u biex noħolqu esperjenzi pożittivi lil hinn mill-post tax-xogħol,” qal Ernest Agius, Chief Operations Officer fil-BOV u Deputy Chair tal-Fondazzjoni BOV. “Permezz tal-Fondazzjoni BOV u l-patroċinju tagħna fit-tul għall-arti, aħna kburin li nappoġġjaw inizjattivi bħat-TOI TOI li jsaħħu l-komunità tagħna, filwaqt li jkomplu jsaħħu tip ta’ kultura fuq il-post tax-xogħol li tgħin lin-nies tagħna jirnexxu.”
Il-wirja kienet parti mill-istaġun tal-Għid tat-TOI TOI, li ttella’ bejn l-4 u s-6 ta’ April, u kienet ospitata fit-Teatru Manoel bħala attività tal-familja ddedikata għall-impjegati tal-Bank. L-attività kienet parti mill-aġenda usa’ tal-Bank dwar il-komunità u l-kultura, imħaddna permezz tal-Fondazzjoni BOV, li tappoġġja inizjattivi li jsaħħu l-kwalità tal-ħajja u jarrikkixxu l-komunitajiet li l-Bank jaqdi. Billi jġib lill-familji flimkien f’esperjenza kulturali kondiviża, il-Bank ikompli jippromwovi kultura aktar inklussiva fuq il-post tax-xogħol, waħda li tagħraf lill-impjegati mhux biss bħala professjonisti, iżda wkoll bħala ġenituri u carers.
Imtella’ fit-Teatru Manoel fil-Belt Valletta, il-TOI TOI Easter Concert – Movie Magic, hija s-sitt edizzjoni tal-attività annwali tal-familja tat-TOI TOI. Dan l-ispettaklu offra għażla varjata u attraenti ta’ mużika minn films interpretata live, u b’hekk ħoloq introduzzjoni aċċessibbli għat-teatru u għall-esperjenza orkestrali għal udjenzi iżgħar.
Il-programm inkluda mużika minn E.T., Star Wars, Avengers, Shrek u Harry Potter, kif ukoll mumenti ta’ briju fejn l-udjenza kantat mal-protagonisti. Dawn kienu ispirati minn titli popolari ta’ Disney, Netflix, Universal u Pixar. Il-kunċert kien jinkludi l-ensemble orkestrali tat-TOI TOI u kast ta’ kantanti żgħażagħ, flimkien ma’ mistednin speċjali, li ppreżentaw wirja għall-familja li tħeġġeġ lit-tfal jersqu aktar lejn l-arti performattiva u tibni l-kunfidenza permezz ta’ esperjenzi kulturali live.
Il-produzzjoni kellha d-direzzjoni mużikali ta’ Tom Newall u l-koreografija ta’ Warren Bonello. Inkitbet u ġiet diretta minn Kate Fenech Field, b’kontributi mid-diretturi emerġenti Faye Mallia u Nicole Sciberras. B’hekk, il-produzzjoni kienet tirrifletti l-impenn tat-TOI TOI li tiżviluppa t-talent artistiku kemm fuq il-palk kif ukoll wara l-kwinti.
Sa mill-2000, il-Bank of Valletta baqa’ jappoġġja b’mod kontinwu l-produzzjoni operistika annwali tat-teatru, u b’hekk isaħħaħ ir-rwol tiegħu bħala patrun tal-arti u jikkontribwixxi għal kalendarju kulturali vibranti li joħloq opportunitajiet għall-artisti lokali biex jidhru ma’ talent internazzjonali stabbilit.
//= $special ?>

