Il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu għall-mod xejn imparzjali li qed jimxi bih ix-xandir pubbliku, speċifikament il-Public Broadcasting Services, il-PBS.
Dan qalu l-PN fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister Graziella Attard Previ.
Il-PBS huwa ffinanzjat mill-poplu kollu u, skont il-liġi, għandu jkun imparzjali. Imma llum qed naraw realtà differenti, fejn il-messaġġi tal-Gvern qed jiddominaw – mhux biss fl-aħbarijiet, li huma totalment iddominati mill-attvitajiet tal-gvern, imma issa anke saħanistra fi programmi ta’ divertiment u quizzes.
Meta reklamar jew riferenzi għal “benefiċċji tal-gvern” jiddaħħlu f’dawn il-programmi, dak ma jibqax servizz pubbliku. Dik issir propaganda moħbija.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-Awtorità tax-Xandir u l-Qrati kienu ċari li l-informazzjoni fuq ix-xandir tal-Istat għandha tingħata b’mod bilanċjat, b’doża kkontrollata u preżentazzjoni newtrali. Madankollu, dawn il-limiti qed jiġu injorati.
Meta l-fondi pubbliċi jintużaw biex jippromwovu narrattiva waħda, inkunu qed inċaħħdu liċ-ċittadin mid-dritt fundamentali tiegħu għal informazzjoni bilanċjata. Dan jaggrava wkoll il-problema tal-power of encumbency, fejn min hu fil-gvern juża r-riżorsi tal-Istat biex isaħħaħ il-pożizzjoni politika tiegħu.
F’dan l-isfond, il-Partit Nazzjonalista jappella ghal xandir nazzjonali ħieles, indipendenti u kredibbli.
Il-PBS ma jistax u m’għandux ikun estensjoni ta’ magna partiġjana ta’ xi partit jew ieħor – f’dan il-każ tal-Partit Laburista. Il-PBS huwa tal-poplu kollu – mhux ta’ partit wieħed, u l-poplu għandu dritt għal xandir bilanċjat, fejn jisma’ n-narrativi u l-opinjonijiet kollha.
//= $special ?>

