Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li attakka lill-eks sieħba tiegħu

Raġel ta’ 29 sena residenti s-Siġġiewi inżamm arrestat wara li attakka lill-eks sieħba tiegħu f’karozza tant li kkaġunalha ġrieħi gravi.

L-akkużat qed jiffaċċja akkużi li kkawża biża’, li heddidha, insulentaha, kkawża ħsara lill-karozza tagħha, kiser il-paċi pubblika, li kien xurban f’post pubbliku u li huwa riċediv.

Il-każ seħħ fil-15 ta’ April meta l-Pulizija rċeviet rapport dwar storbju f’San Ġwann fejn xhieda fuq il-post spjegaw li raw mara titlob għall-għajnuna wara li allegatament l-akkużat sawwatha f’karozza. Ix-xhieda taw deskrizzjoni tal-ħwejjeġ tar-raġel filwaqt li persuni ppruvaw jintervjenu biex iwaqqfu l-allegat attakk.

Madanakollu, jidher li l-inċident seħħ waqt li l-mara kienet qed tipprova ssuq ‘il bogħod, iżda l-akkużat daħħal idejh fil-vettura u qabad magħha biex iwaqqafa. Il-vettura tal-mara, twaqqfet għal spezzjoni waqt kontroll tat-traffiku fejn il-Pulizija raw li l-mara kellha ġrieħi evidenti f’wiċċha u li kienet qed titlef ħafna demm.

Il-vittma, sofriet ħsara f’waħda minn għajnejha.