Lokali

LEAKS MINN KASTILJA: Theddid fuq uffiċjali tas-Segretarjati u l-Ministeri biex illejla jmorru jisimgħu lil Robert Abela

Uffiċjali mill-Ministeri u s-Segretarjati qed jirċievu messaġġi mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex illejla jattendu bilfors għad-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela fi tmiem il-Konvenzjoni Nazzjonali.

Sorsi tagħna spjegaw kif din l-attitudni tal-lejla hi waħda intimidatorja u tirrifletti l-attitudni tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru lejn diversi uffiċjali fil-Ministeri. Is-sorsi tagħna qalulna wkoll li din l-attitudni waslet biex ukoll biex f’dawn l-aħħar ġimgħat żewġ uffiċjali minn Ministeri differenti rriżenjaw.

Is-sorsi tagħna spjegaw kif l-attivitá f’Ta Qali llejla qed tingħata ċertu mportanza mill-amministrazzjoni Laburista u qed tnissel ħafna mistoqsijiet x’se jkun qed jgħid jew iħabbar il-mexxej Laburista.

NET News hu nfurmat li din l-attitudni qed tnissel frustrazioni kbira. Anke l-mod arroganti li bih tasal informazzjoni b’impożizzjoni minn uffiċjali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru b’ċertu kliem li qed jurta lil ħafna.