Għodda ġdida bbażata fuq data mis-satellita turi tnaqqis ambjentali li jista’ jitkejjel f’diversi lokalitajiet
“Malta qiegħda issir dejjem aktar qisha deżert, wara li uffiċjalment ġiet klassifikata bħala pajjiż bi klima arida – Il-pajsaġġ Malti qed isir dejjem aktar niexef minn sena għall-oħra: din mhijiex perċezzjoni, imma xi ħaġa li tista’ titkejjel, qed taċċellera, u hija evidenzjata”
Dan kollu ħareġ minn analiżi li għamlet ix-Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika Eve Borg Bonello bbażata fuq data miġbura minn satelliti u rapporti xjentifiċi indipendenti.
Din l-għodda hija disponibbli għall-pubbliku biex kull ċittadin ikun jista’ jara kif il-lokalità tiegħu ġiet affettwata. Bl-użu ta’ data miksuba min satelliti spazjali, l-għodda tieħu l-forma ta’ mappa interattiva li hija faċli biex tintuża, disponibbli fuq http://eveborgbonello.com/map.
Żewġ satelliti operati mill-Aġenzija Spazjali Ewropea jieħdu aktar minn 70 ritratt tal-gżejjer tagħna kull sena. Magħqudin flimkien, dawn joħolqu stampa annwali dettaljata ta’ gżiritna. Billi jitqabblu l-faxex tad-dawl li l-veġetazzjoni tirrifletti u tassorbi, ix-xjenza tgħinna niksbu indiċi standardizzat tas-saħħa tal-pjanti magħruf bħala l-NDVI. Dan l-indiċi jippermetti tqabbil dirett u oġġettiv bejn sena u oħra, u juri kemm l-iskala kif ukoll id-direzzjoni tal-bidla.
Din il-bidla hija ukoll kkorroborata minn rapport tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, li kkonferma li s-sena idroloġika bejn Ottubru 2023 u Settembru 2024 kienet l-aktar wahda niexfa li qatt ġiet irreġistrata.
Għall-ewwel darba fl-istorja moderna ta’ Malta, il-gżejjer ġew klassifikati bħala bi klima arida, li jpoġġina fl-istess kategorija ta’ partijiet mis-Saħara. Mill-2008, ix-xita medja annwali naqset għal 458mm, tnaqqis ta’ madwar 100mm meta mqabbel mal-medja fit-tul irreġistrata bejn l-1940 u l-2024.
Fl-isfond ta’ dan kollu, ta’ tħassib hu n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern li qed tagħmel din il-kriżi agħar. II-Gvern qed jonqos milli jipprovdi ammonti adegwati ta’ New Water lill-bdiewa, u b’hekk qed iħallihom esposti b’mod perikoluż għat-tibdil fil-klima filwaqt li jkompli jagħfas aktar fuq ir-riżervi limitati li fadlilna.
Hija r-responsabbiltà tal-Gvern li jindirizza din il-kriżi. Is-siġill estensiv tal-art ifisser li l-ftit xita li taqa’ tiġri direttament fil-baħar minflok ma tirritorna fl-art. Biex din il-problema tiġi indirizzata, huma meħtieġa:
Infrastruttura ħadra tal-ilma: firxa ta’ spazji ħodor f’żoni urbani mfassla mhux biss għal skopijiet ta’ estetika, imma mibnija biex jaqbdu, iżommu, u jirritornaw l-ilma tax-xita lura fil-blat. Dan huwa l-għan doppju li għandu jservi t-tħaddir urban ġenwin: li jrażżan il-ħruġ tal-ilma filwaqt li joħloq spazji pubbliċi abitabbli u dellija fil-qalba tal-komunitajiet tagħna. Sfortunatament, dan huwa proprju dak li sa issa Project Green falla milli jagħmel;
Investiment akbar fit-trattament tal-ilma uzat: inkluż it-tkabbir tal-kapaċità nazzjonali biex jiġi ġġenerat u distribwit aktar New Water lill-bdiewa.
Apprezzament akbar tal-wirt idroloġiku ta’ Malta: inkluż it-tfittxija, id-dokumentazzjoni, ir-restawr u l-użu mill-ġdid tal-infrastruttura tal-ilma abbandunata bħal bjar u ġwiebi komunali.
Intant l-istqarrija għalqet billi elenkat kif Malta tinsab f’mument kruċjali. Għandna bżonn ferm aktar minn aġenziji tal-gvern li jipprijoritizzaw xejn aktar mir-reklamar, li taparsi qed jagħmlu lil Malta aktar ħadra bil-flus mit-taxxi taċ-ċittadini u għad-detriment tal-bdiewa u dawk li jrabbu l-bhejjem.
Il-Gvern għandu jaġixxi mingħajr aktar dewmien: biex itaffi l-pressjoni fuq l-akwiferi tagħna, jibni infrastruttura sostenibbli tal-ilma, jiġbor u jaħżen kull qatra ilma disponibbli, u jipproteġi dak li fadal mill-ekosistemi reżistenti għan-nixfa li jagħmlu parti mill-wirt naturali u ekoloġiku tagħna.
//= $special ?>

