Opinjoni

Opinjoni: Gwerra li l-konsegwenzi tagħha se jdumu jinħassu

Jekk inħarsu kif kienu s-swieq tal-kambju dan ix-xahar imqabbel mal-31 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra nsibu li tneħħi għal dawk tal-Istati Uniti tal-Amerika, il-Ġermanja u l-Iżvizzera fl-ebda pajjiż ieħor ma kien hemm tnaqqis. Ir-riżultati ta’ April huma dawk tal-bidu ta’ dan ix-xahar meta tħabbar waqfien mill-ġlied fil-gwerra fil-Lvant Nofsani. Anke jekk waqt li qed nikteb dan il-waqfien jinsab fil-periklu minħabba li ma ntlaħaqx ftehim bejn l-Istati Uniti u l-Iran fit-taħditiet li kellhom fil-Pakistan. Fl-istess waqt kien hemm tlugħ u nżul fis-swieq anke għall-fatt li Donald Trump filli jitkellem mod u filli ieħor. U xi jgħid il-President Amerikan, anke jekk mhux konsistenti, jimpatta bis-sħiħ is-swieq tal-kambju. Donald Trump jidher li qed jiġġieled ma’ kulħadd. Attakka lill-Papa Ljun talli qed jagħmel dmiru. Attakka lill-ikbar żewġ alleati tiegħu fl-Ewropa: Il-Prim Ministru Ingliż Stalmer u lil dik Taljana Giorgia Meloni. Jidher li l-uniku bniedem li ma jattakkax hu Putin!

Joe M. Zahra

L-ekonomiji tad-dinja għaddejjin bħalissa minn skossi kbar. U li ma kienx għaliex wara l-kriżijiet tal-imgħoddi, fosthom dawk tal-2005 fejn id-dinja għaddiet mill-agħar kriżi finanzjarja u ekonomika fl-istorja, u fejn ittieħdu miżuri mill-gvernijiet u l-banek ċentrali biex ma nerġgħux ngħaddu minn dak l-inkwiet, kieku min jaf fejn aħna bħalissa.
Fl-istess waqt l-inkwiet għadu f’nofsna. L-Istrett ta’ Hormuz għadu kważi magħluq għalkollox. Ftit qed jgħaddu bastimenti minnu. Is-sitwazzjoni issa hi li wara n-nuqqas ta’ ftehim tal-ġimgħa l-oħra, Trump ordna li l-Navy Amerikana timblokka l-Istrett.
Fi Frar il-medja ta’ bastimenti li kienu jgħaddu minn dan l-istrett kienet ta’ 130 kuljum. Waqt li qed nikteb kien għad hemm maqbuda 187 tanker li fuqhom kellhom 172 tunnullata ta’ żejt mhux maħdum u żejt raffinat. Kien hemm ukoll maqbuda 15-il tanker li jġorru l-gass naturali likwidu (LNG) u 41 bastiment mgħobbi bil-fertizzant.

Impatt fuq l-ekonomija dinjija
Sadattant iż-żejt mhux jasal mill-Golf Persiku. Kif mhux qed jasal il-gass. U l-fertizzant. Dan qed jimpatta l-ekonomiji kollha tad-dinja bil-linji tal-ajru jħabbru li ser inaqqsu r-rotot minħabba nuqqas ta’ fjuwil. B’pajjiżi jimponu restrizzjonijiet fuq il-konsum tal-fjuwil. Bi kjus twal jistennew wara l-pompi tal-petrol u d-diesel biex forsi jmisshom. Bis-settur agrikolu nieqes minn fertilizzanti li jiġu mill-pajjiżi tal-Golf.
Sitwazzjoni li hekk titwal ikollha riperkussjonijiet fuq il-pajjiżi kollha tad-dinja.
Iżda anke jekk il-waqfien mill-ġlied iżomm xorta waħda jittieħed iż-żmien biex l-affarijiet jiġu għan-normal. Fejn xhur u fejn snin. Ma ninsewx li wara li l-Houthis iddeċidew li ma jkomplux jattakkaw bastimenti b’appoġġ għal Ħamas kien biss xahrejn wara li għadda l-ewwel bastiment.
Il-bjar taż-żejt ma taqbadx u żżid il-produzzjoni minnhom mil-lum għall-għada. Tieħu xhur. Il-ħsara li saret lill-ħażna tal-gass qed jgħidu li biex tissewwa jridu bejn tlieta u ħames snin.
Hemm problema oħra. L-Istrett ta’ Hormuz hu baħar internazzjonali. L-Iran qed tgħid li hu tagħha u qed timponi ħlas ta’ tant dollari fuq kull barmil żejt li jkun qed iġorr it-tanker. Qed tissemma ċ-ċifra ta’ żewġ dollari l-barmil. Diġà kien hemm tankers li għaddew mill-istrett u kellhom iħallsu żewġ miljun dollaru Amerikan biex jgħaddu. Flus li m’hemmx dubju se jgħaddu fuq il-konsumatur. Kif se jgħaddu fuq il-konsumatur il-ħlas ogħla għall-assigurazzjoni tal-vapuri, il-prezz ogħla taż-żejt u r-rotot itwal jekk it-tankers jagħżlu għas-sigurtà tagħhom li ma jgħaddux mill-Baħar l-Aħmar.

Tiżdied l-inflazzjoni
Dan kollu qed iwassal għal żieda fl-inflazzjoni. Inflazzjoni li diġà bdiet terfa’ rasha. Il-Banek Ċentrali għamluha ċara li jekk l-inflazzjoni tkompli terfa’ rasha ’l fuq minn tnejn fil-mija jkollhom jgħollu r-rati tas-self biex jonqos l-infiq. Fl-Unjoni Ewropea f’Marzu r-rata qabżet it-tnejn fil-mija u l-President tal-Bank Ċentrali Christine Lagarde wissiet li r-rati tas-self jistgħu jogħlew.
Il-Gvern Malti ħabbar ħruġ ta’ self bit-3.80% u 4.10%. Self li ma kienx joħroġ b’dawk ir-rati ta’ imgħax li kieku ma kienx għaliex qed jara s-sitwazzjoni tal-inflazzjoni tolqot lilna wkoll. Self li se jiswielna iktar mis-soltu speċjalment jekk dan ser imur biex jitħallas lura self li kien sar bil-0.10%; 0.25% u 0.50% u li jagħlaq din is-sena. Ara kemm se jiswa lill-pajjiż iktar f’imgħaxijiet!
Ipinġu kemm ipinġu stampa sabiħa daqs li kieku lilna dak li qed iseħħ ma jolqotniex għaliex iż-żejt tagħna qed jissussidjah il-Gvern, l-affarijiet huma differenti. Is-sussidju li qed jitħallas ma jiġix mis-sema. Dan qed inħallsu għalih mit-taxxi tagħna. Qed jitħallas b’iktar dejn. Min-naħa l-oħra l-għoli ta’ kollox li jiġi minn barra rridu nħallsu għalih aħna wkoll bi prezzijiet ogħla. Minkejja s-sussidji fuq iż-żejt pajjiżna xorta jibqa’ b’rata ta’ inflazzjoni ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea. Dan għaliex aħna gżira u niddependu għal kollox mit-trasport bil-baħar.
Hu tajjeb li l-poplu ma jiġix allarmat. Iżda hu daqshekk ieħor importanti li l-poplu jingħata l-fatti kollha kif inhuma. Billi kulħadd ikun imħeġġeġ biex ma jaħlix. Għaliex għall-ħela jkun qed iħallas l-istess poplu. U l-iktar li jiġu affettwati, bħal dejjem, huma dawk bl-inqas dħul. Fosthom il-pensjonanti.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 17 ta’ April, 2026.