Ir-rapper Amerikan D4vd ġie arrestat mill-pulizija fuq suspett li għandu x’jaqsam ma’ qtil ta’ tifla ta’ 14-il sena li kienet irrappurtata nieqsa s-sena li għaddiet.
Il-każ ħareġ fil-pubbliku wara li f’Settembru li għadda nstabu fdalijiet ta’ katavru f’karozza tal-għamla Tesla marbuta mal-indirizz tal-kantant.
Skont rapporti, il-katavru kien fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni, u l-awtoritajiet qed ikomplu jinvestigaw biex jistabbilixxu x’ġara eżatt. Dan wara li l-awtoritajiet irċivew rapporti ta’ riħa qawwija ġejja mill-karozza.
Il-Pulizija f’Los Angeles qalu li l-kantant ta’ 21 sena qed jinżamm taħt kustodja, filwaqt li l-każ se jitressaq quddiem il-prosekutur fil-jiem li ġejjin.
Il-vittma, Rivas Hernandez, li kienet ġiet irrappurtata nieqsa xhur qabel, kienet tgħix madwar 75 mil ‘il bogħod mill-post fejn instabet. Il-mewt tagħha għadha qed tiġi investigata, u s’issa ma ġietx ikkonfermata l-kawża tal-mewt.
Il-każ qajjem ħafna mistoqsijiet u spekulazzjonijiet fuq il-midja soċjali, speċjalment minħabba l-fama tal-kantant. Ftit dettalji ġew maħruġa uffiċjalment, iżda jidher li l-investigazzjonijiet ilhom għaddejin diversi xhur.
Sadanittant, il-karriera tal-artist tidher li ġiet affetwata, hekk kif huwa ħassar it-tour li kellu jsir.
//= $special ?>

