Lokali Transport

Robert Abela jgħid lin-nies biex jistennew “wara l-elezzjoni” fuq il-proġett tat-trasport tal-massa

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

F’intervista li xxandret il-Ħamis filgħaxija, il-Prim Ministru Robert Abela kien affaċċjat fuq il-wegħda tal-metro li baqgħet biss ħolma fl-arja; fejn ammetta li l-proġett kellu jinbidel minn meta kien tħabbar lura fl-2022. Dan minkejja l-fatt li meta ppreżentah l-ewwel darba kien jidher proġett kompletament iffinalizzat.

Iżda minn wara dakinhar, kien hemm numru ta’ okkażjonijiet fejn ħareġ biċ-ċar in-nuqqas ta’ konsultazzjoni li kienet saret hekk kif l-ewwel qal li reġa’ beda bl-istudji, imbagħad fid-dokument tal-Viżjoni 2050 kien hemm miktub li d-dettalji jitħabbru fiż-żmien li ġej. Biex issa l-poplu se jkollu jistenna mill-ġdid għal wara l-elezzjoni ġenerali – mingħajr ebda data jew timeframe.

Dwar it-traffiku, Robert Abela qal li l-proġetti li vara fl-aħħar xhur – skont hu – għamlu differenzi kbar. Dan meta l-kriżi tat-traffiku tibqa’ waħda mill-akbar inkwiet li qed jaffaċjaw in-nies bħalissa.

B’kuntrast, il-Kap tal-PN Alex Borg qed iwiegħed pjan ċar b’miri definiti: fejn kommess li jvara l-proġett tat-trasport tal-massa fi żmien 100 jum minn meta jiġi fdat mill-elettorat fit-tmexxija tal-pajjiż.

Intant, matul l-intervista, Robert Abela spiċċa ammetta wkoll li fl-Emerġenza hemm stennija twila – stennija li saħansitra ġieli tlaħħaq 12-il siegħa.

Hawn, għal darb’oħra, reġa’ semma l-proġett tat-tkabbir tal-Emerġenza kif ukoll li jinbena sptar għas-saħħa mentali – żewġ proġetti li ilhom fuq l-ixkaffa għal numru ta’ snin u li ssemmew f’numru ta’ budgets iżda qatt ma sar xejn konkret dwarhom.