F’Napli, grupp ta’ ħallelin armati wettqu serqa f’bank waqt il-ġurnata u żammu madwar 25 persuni fil-bank stess bħala ostaġġi. Il-każ qajjem paniku kbir fiz-zona, b’numru ta’ Pulizija u pumpieri jaslu fil-post għall-għajnuna.
Ġie rrrapurtat li kien negozjat ftehim mal-ħallelin, u fl-istess waqt il-pumpieri daħlu fl-azzjoni u għenu lill-persuni maqbudin joħorġu mill-bini. Biex l-evakwazzjoni tkun aktar faċli, sar anke tkissir tat-twieqi – u dan inqabad minn filmati li dehru fuq il-midja soċjali.
Fortunatament, ħadd ma sofra ġrieħi serji, għalkemm xi persuni kellhom bżonn kura minħabba l-istat ta’ paniku li kienu fih. Infatti, dehru ħafna persuni emozzjonati u bdew anke jgħannqu qraba tagħhom kif inħelsu.
Aktar tard, waslu Pulizija speċjalizzati mit-Toscana, fejn instemgħu diversi sparaturi.
Il-ħallelin, ġew irrapurtati li ħarbu mill-post minn mina taħt l-art, li setgħet kienet konnessa mas-sistema tad-drenaġġ.
S’issa għadu mhux ċar l-ammont ta’ oġġetti li ttieħdu, peress li jidher li l-mira tagħhom kienu kaxxi privati tas-sigurtà aktar milli flus kontanti.
L-awtoritajiet qed ikomplu bl-investigazzjonijiet tagħhom biex jidentifikaw u jaqbdu lill-ħallelin.
//= $special ?>

