Lokali Qorti

Żagħżugħ inżamm arrestat wara li aggredixxa lil missieru

Żgħażugħ inżamm arrestat wara li aggredixxa lil missieru u kkawża ħsara estensiva lill-propjetà tiegħu, f’każ ta’ vjolenza domestika li ilhom għaddejin snin twal.

Tyrein Barbara, ta’ 26 sena, li jaħdem għal rasu u huwa residenti l-Imqabba, tressaq il-qorti akkużat b’sensiela ta’ allegati inċidenti ta’ vjolenza domestika kontra missieru. Fil-fatt, il-pulizija ġiet infurmata li fil-15 ta’ April, il-missier kien ħiereġ mid-dar tiegħu meta ġie milqut minn wara f’rasu minn ibnu.

Il-vittma spjega li waqa’ fuq scaffolding fil-viċinanzi u sofra ġrieħi ħfief. Barbara qed ikun akkużat ukoll li hedded u insulenta lil missieru. Filwaqt li għamel ħsara volontarja lill-propjetà ta’ missieru fosthom in-nuċċali tax-xemx, li jammontaw għal €760.

Il-missier allega wkoll li ilu jsoffri trattament ħażin minn ibnu għal madwar sitt snin. Huwa qal lill-awtoritajiet li ibnu, li jgħix miegħu għandu l-vizzju tad-droga u li s-sitwazzjoni fid-dar kienet marret għall-agħar fil-ġimgħat ta’ qabel dan l-inċident.

Fix-xhieda tiegħu, il-missier spjega li ibnu hedded li jaħraq id-dar jekk ma jsegwix it-talbiet tiegħu.

Iż-żgħażugħ inżamm arrestat għaliex ma għandux residenza alternattiva.