Lokali

59 biċċa tal-arti mir-residenti ta’ San Ġwann

Ċeramika, żejt, chalk, water colours u pastels. 59 ta’ arti magħmula kollha minn artisti residenti San Ġwann li nġabru f’exhibition ta’ suċċess.

Ir-residenti ta’ San Ġwann qed jaqsmu mal-pubbliku l-kultura artistika tal-lokal tagħhom mal-poplu Malti u Għawdxi hekk kif il-Kunsill Lokali b’kollaborazzjoni mar-Reġjun Tramuntana, qed itellgħu wirja artistika li turi 59 biċċa ta’ arti magħmula mir-residenti stess.

NetNews żar din il-wirja u tkellem mal-Viċi Sindku Nazzjonalista ta’ San Ġwann, Pauline Vella Critien, li qed tieħu ħsieb din il-wirja, u li spjegat li wara s-suċċess tal-ewwel wirja li saret is-sena l-oħra ddeċiedew li jkomplu jkabbru din il-wirja għal din is-sena.

Il-wirja, ġabret 59 biċċa ta’ arti minn 17-il artist differenti. Minn water colours għal ċeramika għal arti bil-kuluri taż-żejt, kollha minn artisti li joqgħodu San Ġwann li jiġu anke minn pajjiżi differenti.

Fil-fatt, 13-il artist huwa Malti, iżda 4 huma barranin, mill-Ungerija, mill-Ġermanja u saħanistra tewmin ta’ 13-il sena miċ-Ċina.

Il-wirja ngħatat bidu l-Ġimgħa filgħaxija, filwaqt li se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sas-Sibt 25 ta’ April. Dawk kollha li jixtiequ jżuru din il-wirja, jistgħu jagħmlu dan matul il-ġurnata tal-Ħadd mil-10 ta’ filgħodu sa’ nofsinhar. Filwaqt li matul il-ġimgħa sal-għeluq tagħha s-Sibt, mill-10 sa nofsinhar, u mill-5 ta’ waranofsinhar sas-7 ta’ filgħaxija. Il-wirja qed issir f’Naxxar Road, San Ġwann.