Kunsilli Lokali Lokali

Iċċelebrat il-Jum tal-Fondazzjoni tal-Belt Valletta

Il-Jum tal-Fondazzjoni tal-Belt Valletta ġie ċċelebrat nhar il-Ġimgħa 17 ta’ April 2026 b’attività sabiħa li laqqgħet flimkien lill-komunità Beltija u lill-għaqdiet lokali li jagħtu sehemhom kontinwament fil-ħajja kulturali u soċjali tal-Belt Kapitali tagħna.

Matul din l-okkażjoni, ingħata ġieħ mistħoqq lill-Belt Valletta u sar rikonoxximent speċjali lil numru ta’ persuni mill-Belt li, permezz tal-ħidma u d-dedikazzjoni tagħhom, taw kontribut siewi lill-komunità Beltija. Dawn ġew magħżula mill-Kunsilliera tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta bħala sinjal ta’ apprezzament u rispett lejn l-impenn tagħhom.

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ta rikonoxximent lil Norman Hill għall-kontribut artistiku u kulturali tiegħu lejn il-Karnival Malti u l-komunità Beltija.

Għal snin twal ħadem bla waqfien fuq karrijiet trijonfali kreattivi li żammew ħaj l-ispirtu tal-Karnival fil-Belt.

Ix-xogħol tiegħu kien kontribut importanti għall-identità kulturali Beltija u għall-espressjoni tal-ferħ tal-komunità. Kien ukoll minn ta’ quddiem nett biex jiċċelebra s-suċċessi tat-tim tal-Belt permezz ta’ karrijiet tematiċi. Rikonoxximent mistħoqq għall-passjoni u d-dedikazzjoni tiegħu lejn il-Belt Valletta. 🎭

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ta rikonoxximent lil Sava Radić għall-prestazzjonijiet konsistenti tiegħu bħala difensur ewlieni ma’ Valletta FC. Radić wera professjonalità u tmexxija fil-grawnd, u sar figura importanti fid-difiża tat-tim Belti.

Matul partita tal-FA Trophy kontra Ħamrun Spartans, huwa intervjena b’mod immedjat biex isalva l-ħajja tal-plejer Mattias Garcia. L-intervent pront tiegħu kien kruċjali u juri kuraġġ u sens qawwi ta’ solidarjetà sportiva.Dan ir-rikonoxximent jingħata bħala sinjal ta’ apprezzament għal dan l-att erojku u l-kontribut tiegħu lejn il-komunità sportiva.

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ta rikonoxximent lil Jesmond Zerafa għall-kontribut siewi tiegħu fil-futbol Malti u l-impenn tiegħu mat-tim tal-Belt Valletta bħala plejer, kowċ u uffiċjal tekniku. Matul il-karriera tiegħu rebaħ żewġ kampjonati tal-Premier League (wieħed mingħajr telfa) u l-FA Trophy ma’ Valletta. Huwa rrappreżenta wkoll lit-tim nazzjonali Malti f’21 partita internazzjonali. Anke wara li temm il-karriera tiegħu bħala plejer, baqa’ jservi l-futbol Malti b’dedikazzjoni kbira. Rikonoxximent tassew mistħoqq għall-ħidma u l-lealtà tiegħu lejn il-Belt Valletta u l-isport Malti.

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ta rikonoxximent lil Carmel (Charles) Bonaci għall-ħidma twila tiegħu fil-qasam tad-dolcerija u għall-kontribut soċjali tiegħu fil-komunità Beltija. Minn età żgħira ħadem fid-dolcerija tal-familja u aktar tard reġa’ waqqafha mill-ġdid, filwaqt li għadda s-sengħa lil uliedu.

Fl-1975 waqqaf l-Għaqda tad-Dolċiera u Caterers biex jgħaqqad lill-professjonisti tas-settur u jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejniethom. Minkejja żminijiet diffiċli ta’ gwerra u faqar, kien dejjem ta’ għajnuna lil min kien fil-bżonn u lill-Patrijiet Franġiskani tal-Knisja ta’ Ġieżu. Rikonoxximent mistħoqq għall-ġenerożità, il-ħidma u d-dedikazzjoni tiegħu lejn il-komunità Beltija.

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ta rikonoxximent lil Ezekiel Catania, żagħżugħ ta’ 11-il sena marbut mill-qrib mal-attivitajiet kulturali u reliġjużi tal-Belt. Minn età żgħira kien involut fil-purċissjonijiet u serva bħala abbati fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu.

Huwa wkoll mużiċist żagħżugħ tas-sassofonu mas-Soċjetà Fra Antoine de Paule u mas-Soċ. Fil. Nazzjonali La Valette, b’riżultati ta’ Distinction fl-eżamijiet LCM u ABRSM. Intgħażel ukoll fil-Gozo Youth Wind Orchestra u jkompli l-istudji tiegħu fl-MVPA. Rikonoxximent mistħoqq għat-talent, l-impenn u l-imħabba tiegħu lejn il-kultura Beltija.

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ta rikonoxximent lil Paul Curmi għall-kontribut tiegħu fl-isport Malti, kemm fl-għawm kif ukoll fil-futbol, fejn kiseb suċċessi notevoli sa minn età żgħira u rrappreżenta lil Malta barra minn xtutna.

Bejn l-1979 u l-1988 lagħab 126 logħba mat-tim tal-Belt Valletta u rebaħ diversi unuri importanti, fosthom il-League darbtejn u l-Euro Cup. Wara l-karriera tiegħu bħala plejer, kompla jservi b’dedikazzjoni kbira fin-nursery tal-Belt Valletta u ma’ klabbs oħra, fejn mexxa timijiet żgħażagħ għal diversi suċċessi. Taħt il-gwida tiegħu żviluppaw bosta plejers li komplew jilagħbu fl-ogħla livelli tal-futbol Malti. Rikonoxximent mistħoqq għall-impenn, il-ħidma u s-servizz tiegħu lejn il-futbol Beltin u Malti.

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ta rikonoxximent lil Charles Dalli, kantant u kompożitur magħruf tal-grupp popolari X-Tend, imwieled u mrobbi fil-Belt Valletta. Sa minn żgħożitu kien attiv fil-ħajja reliġjuża u sportiva Beltija, qabel ma beda l-karriera mużikali tiegħu u ppubblika l-ewwel xogħol fl-1981.

Fl-1984 ingħaqad mal-grupp X-Tend u flimkien ipproduċew għadd kbir ta’ kanzunetti popolari, fosthom diversi marbuta mal-Milied. Mal-grupp dawwar diversi pajjiżi, inkluż darbtejn l-Awstralja, fejn ferraħ lill-komunitajiet Maltin bil-mużika tagħhom. Rikonoxximent mistħoqq għall-kontribut artistiku tiegħu u għall-imħabba kontinwa lejn il-Belt Valletta.

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ta rikonoxximent lil Carlo Seychell għall-kontribut distint tiegħu fil-futbol Malti u mal-Valletta FC bejn l-1967 u l-1982.

Matul il-karriera tiegħu kien parti mis-suċċessi ta’ tliet kampjonati tal-Premier League u tliet rebħiet tal-FA Trophy mat-tim Belti. Huwa rrappreżenta wkoll lil Malta f’20 partita internazzjonali bejn l-1972 u l-1979. Il-karriera tiegħu tibqa’ xhieda ta’ impenn, perseveranza u mħabba lejn il-Belt Valletta u l-isport Malti.

Rikonoxximent mistħoqq bħala sinjal ta’ apprezzament għall-kontribut tiegħu li għolla l-isem tal-Belt Kapitali b’dinjità u kburija.

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ta rikonoxximent lil Gabriella Agius għall-ħidma u d-dedikazzjoni tagħha bħala Segretarju Eżekuttiv tul dawn l-aħħar 15-il sena. Matul is-servizz tagħha, mexxiet b’suċċess diversi proġetti u inizjattivi, fosthom skambji taż-żgħażagħ li taw opportunitajiet lil bosta Beltin.

Hija dejjem wriet tmexxija soda, integrità u impenn lejn il-komunità, b’servizz professjonali u imparzjali. Bil-formazzjoni akkademika tagħha fil-governanza u l-management, kompliet issaħħaħ il-ħidma tagħha fl-amministrazzjoni pubblika. Rikonoxximent mistħoqq għall-kontribut siewi u l-lealtà tagħha lejn il-Belt Valletta.

Saret ukoll it-tnedija tal-Munuti li ser jikkommemoraw l- Erbgha mija u sittin sena tal-fondazzjoni tal-Belt Valletta