Lokali

In-nuqqas ta’ jet fuel huwa tħassib reali – David Curmi Chairman ta’ KM Malta Airlines

In-nuqqas ta’ Jet Fuel huwa tħassib reali. F’kummenti mal-ġurnal Times of Malta, iċ-Chairman tal-linja tal-ajru nazzjonali KM Malta, David Curmi, spjega li n-nuqqas fil-provvista ta’ Jet Fuel ċertament li se jħalli l-impatt tiegħu, anke jekk f’Malta jaf niskansaw din l-isfida.

Huwa spjega li dan it-tħassib serju għax-xahar tas-sajf mhux se jkun qed jaffettwa l-linja tal-ajru f’Malta, madanakollu l-istess ajruplani jafu jħabbtu problemi serji meta jkunu se jimlew il-fuel minn destinazzjonijiet oħra.

Curmi insista li la darba jkun hemm nuqqas f’ajruporti oħrajn fl-Ewropa ċertament li l-KM Airlines mhux se jkunu jistgħu joperaw normali.

Dan kollu wara li d-direttur tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija, Fatih Birol spjega li l-Ewropa fadlilha madwar sitt ġimgħat ta’ jet fuel, u la darba s-sitwazzjoni ma tistabilizzax ruħha kompletament jaf tirriżulta f’kanċellazzjonijiet ta’ titjiriet.

Filwaqt li ġie rrapportat li l-linja tal-ajru Ungeriża Wizz Air diġà bdiet tesperjenza ċertu sfidi f’ajruporti fl-Italja, il-Kap Eżekuttiv tal-linja tal-ajru Ryain Air, David O’Brien esprima li mhux inkwetat daqstant għaliex il-linji tal-ajru fil-maġġorparti tagħhom għandhom fuel maħżun li jmur lil’hinn minn sitt ġimgħat…għalkemm xorta waħda kkonċeda li hemm ftit riskju.

Intant, il-linja tal-ajru Olandiża KLM spjegat li fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed inaqqsu 160 titjira minħabba ż-żieda qawwija fil-prezz tal-jet fuel.

Dan kollu wara t-tensjoni fir-Reġjun tal-Golf, fost oħrajn fil-perjodu meta l-Iran għalqet l-istrett ta’ Hormuz 20% taż-żejt dinji jgħaddi minnu.