Għal darb’oħra l-Iran għalaq l-Istrett ta’ Hormuz wara li l-militar Iranjan ddikkjara dan ftit tas-sigħat biss li infetaħ bi ftit aktar minn 12-il bastiment ta’ ġarr ta’ żejt u merkanzija jirnexxielhom jgħaddu.
Dan wara li l-midja Iranjana rrapportat li l-Iran qed jakkużża lill-Istati Uniti b’piraterija hekk kif l-Amerikani għadhom qed jimblukkaw il-portijiet tal-pajjiż. Aktar qabel kelliema għal-militar Iranjan għamluha ċara li la darba l-Istati Uniti se jibqgħu jagħmlu dan, huma kienu se jerġgħu jagħlqu l-istrett, kif effettivament seħħ.
Dan kollu qed ikompli jixħet dubji serji dwar it-tmexxija tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump u n-narrattiva tiegħu hekk kif fl-aħħar sigħat li l-istrett kien miftuħ u “open for business”. Huwa kien stqarr ukoll li l-Istati Uniti, Iżrael u l-Iran kienu ferm viċin li jilħqu ftehim għal paċi…madanakollu kollox qed jindika li ttieħed pass ieħor lura.
Kelliema għall-Militar Iranjan, insistew li Trump qed jirrifjuta li jonora l-obbligazzjonijiet tal-waqfien mill-ġlied. Dan filwaqt li ċaħdu għal kollox d-diskors tal-President Amerikan hekk kif Tehran mhux se jkun qiegħed jagħti l-uranju tiegħu lill-Istati Uniti.
Il-kunflitt mal-Iran issa ilu għaddej 50 ġurnata. U sa dalgħodu, kien hemm konvoj sħiħ ta’ vapuri li deher ħiereġ minn din ir-rotta tant importanti li minnha jgħaddu kunsinni ta’ żejt, gass u fuel.
Madanakollu jidher li kollox reġa’ twaqqaf mill-ġdid, hekk kif minn dan l-istrett jgħaddi madwar 20% tal-provvista dinjija taż-żejt u gass – essenzjali għall-enerġija tal-pjaneta.
//= $special ?>

