Issa b’ċertezza nafu li se jkolna tal-anqas decider fit-tmiem tal-Malta Premier jew saħansitra jista’ jagħti l-każ li mmorru għal Final Four bħal ma seħħ l-istaġun li għadda. F’każ ta’ decider waħda, din tkun bejn Ħamrun Spartans u Floriana u f’każ ta’ Final Four il-probabiltà kollha hi li Valletta u Marsaxlokk jingħaqdu ma’ Ħamrun Spartans u Floriana.
Prattikament għadna l-istess storja ta’ staġun ilu iżda xi ftit jew wisq bil-maqlub, għaliex Floriana din id-darba rebħu l-Closing Round u Ħamrun Spartans rebħu l-Opening Round. Mingħajr l-iċken dubju l-greens jimmerithom jirbħu u jtemmu l-ewwel f’din it-tieni fażi tal-Kampjonat, kemm għaliex kienu konsistenti iżda anke għaliex ta’ warajhom, speċjalment Ħamrun Spartans u Marsaxlokk kienu inkonsistenti fir-riżultati u l-prestazzjonijiet tagħhom.
Insomma dan hu x-xenarju, li kif ma ddejjaqt xejn ngħid, u lanqas se nerġa’ niddejjaq nirrepeti issa li seħħ, riedu li jiġri min qed imexxi l-Malta Premier. Mhux qed ngħid hekk b’ħażen jew qed nagħti x’nifhem li kien hemm il-qerq, imma hi loġika li f’ebda staġun, l-MPL qatt ma tixtieq tara li l-Opening Round u l-Closing Round jintrebaħ mill-istess tim għaliex l-iskop ta’ dan il-format hu li jkollok tmiem ta’ staġun li jkun deċiż b’decider jew b’final four.
B’dan il-mod jiżdied l-interess, ikolna attendenzi akbar u tmiem spettakolari. Issa li Floriana rebħu l-Closing Round, l-MPL għandhom garanzija ta’ dan. Mhux se nażżarda ngħid li l-MPL tippreferi ukoll Final Four aktar minn decider waħda, għaliex forsi nkun qed nesaġera pero bħala stat ta’ fatt, dan hu x-xenarju li l-MPL żġur xtaqet u bdiet tittama fiħ.
Se jkolna tmiem eċitanti? Hekk naħseb u hekk nawgura. Ġust? Altru li le. Staġun ilu rebħu l-Malta Premier, Ħamrun Spartans li la rebħu l-Opening Round u wisq aktar l-Closing Round, pero bir-regolamenti ċari għal kulħadd sa minn qabel ma beda’ l-istaġun, Ħamrun Spartans kienu kapaċi biżżejjed li jilħqu l-kulmimu tagħhom fil-Final Four u rebħu l-Malta Premier.
Pero daqs kemm Ħamrun Spartans kienu rebħu Kampjonat skont ir-regolamenti, ta’ format li jekk toqgħod taħseb ftit, f’ċirkostanzi partikolari jaf ipoġġi tim f’sitwazzjoni li jaqbillu jitlef milli jirbaħ, daqstant ieħor ma kienux rebħu l-Kampjonat l-aktar tim li kien konsistenti u ġabar punti sal-istadju ta’ qabel il-Final Four.
X’se jiġri minn issa ‘l quddiem ma nafux, għax għad jista’ jkolna xenarju fejn klabb li sal-lum għandu mannara ta’ relegation play-off fl-aħħar tal-istaġun, din il-kundanna taf tinqaleb f’post mat-timijiet tal-Final Four jekk Naxxar Lions jispiċċaw fit-tieni post.
Ma rridx inkun negattiv, iżda jekk biex ngħidu li għadna Kampjonat eċitanti allura dan kien l-aħjar format li stajna noħolqu. Jekk ridna li nagħtu lok għal lukani fejn ikun hemm il-korruzzjoni, iva, dan hu ukoll format idejali li jagħtik iċ-ċans tagħmel dan. Li hu żgur dan m’huwiex il-format fejn l-aħjar tim fl-aħħar tal-istaġun jista’ jkun hu li jnaqqx ismu bħala champion ta’ Malta.
Mhux qed ngħid li dak li għamlu s’issa Ħamrun Spartans u Floriana ma jimmerithomx ikunu huma li jiġġieldu għar-rebħ tal-Kampjonat, imma min fil-media lokali għandu l-kuraġġ jitkellem kif qed ngħid jien, li jekk la Floriana u lanqas Ħamrun Spartans ma jirbħu l-Kampjonat, se jerġa’ jkolna verdett inġust li jista’ jmur kontra l-isportività.
Nifhem li f’pajjiż fejn l-ogħla diviżjoni tal-futbol, sena wara l-oħra, kienet qed tnaqqas fl-interess, ridna nagħmlu xi ħaġa, iżda ma nistax nifhem kif ħadd ma jitkellem fuq l-inġustizzji li fiħ dan il-Kampjonat kif ukoll il-lakuni li jnaqqsu l-isportività u jagħtu lok għall-abbużż. M’għandix dubju li kulħadd se jiċħad dak li qed ngħid, sakemm xi darba ma tkunx int il-vittma.
Naħseb biss, nidħaq u nirrabja fl-istess waqt. Mhux qed ngħid li Marsaxlokk u Valletta ma ħaqqhomx post fl-Ewropa, imma mhux il-Kampjonat, imma jista’ jagħti l-każ li jirbħu l-Malta Premier wieħed minn dawn it-tnejn u mhux Floriana jew Ħamrun Spartans. Ikun ġust?
Fir-realtà, u mhux se niddejjaq ngħidha, hu fatt u xi ħadd loġika li issa, li Floriana rebħu l-Closing Round, biex jilħqu l-mira tagħhom li jirbħu l-Malta Premier, jaqbilhom li jieħdu l-eħfef u l-iqsar triq. Anzi t-tnejn li huma jaqbilhom hekk. Allura aħsbu ftit x’lakuni jista’ jkun hemm fl-aħħar żewġ match days li jagħtu lok għal riżultati anti-sportivi.
Fuq din għadni rrid nisma’ lil xi ħadd jitkellem jew jistaqsi lill-għola uffiċjali tal-MPL. Anke jekk nibqa’ waħdi, jien se nkun qed nistaqsihom dawn id-domandi, kif diġa’ staqsejthom. Imbgħad x’se nagħmlu?
Bl-ebda mod m’jien qed ngħid li se jiġri hekk, iżda iva qed ngħid li dan il-format, jagħti lok għal dak li hu anti-sportiv. Ħa nieqaf ħawn. Pero mhux se nieqaf nistaqsi d-domandi leġittimi.
Id-diskussjoni dwar dan kollu tkompli f’Replay, ta’ għada l-Ħadd, fis-6:10pm fuq Net Television.
//= $special ?>

