Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Aurelio Belli

Is-Surmast Aurelio Belli se jibqa’ mfakkar mhux biss għall-kontribut mużikali tiegħu, iżda għall-impatt pozittiv li ħalla fuq kull min kellu x-xorti li jiltaqa’ miegħu. Bosta ddeskrivewh bħala bniedem mhux biss li jisma’ u jinkoraġġixxi lil ta’ madwaru; izda fuq kollox raġel umli u li kien jaf iħobb; kwalitajiet li ħarġu fid-deher fil-messaġġi li ħonqu il-midja soċjali fl-aħħar jiem b’tifkira, u b’gratitudni lejn il-memorja tiegħu.

Is-Sibt filgħodu, Fil-Bazilika ta’ Sant’Elena, f’Birkirkara, ingħatat l-aħħar tislima lis-Surmast u Kap tal-Operat tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, Aurelio Belli li miet il-Ħadd 12 ta’ April fl-eta ta’ 49 sena … wara battalja ta’ ħames snin mal-kanċer.

Fi Knisja ippakjata bin-nies Fr Charles Gauci rrifletta fuq il-valur tal-ħajja u l-fidi, filwaqt li fakkar kif anke f’mumenti ta’ tbatija, il-bniedem jista’ jsib id-dawl u t-tama.

Fr Charles Gauci fakkar kif il-karriera ta’ Auerlio Belli fil-mużika bdiet minn età żgħira, fl-eta ta’ 11-il sena, u matul is-snin, bil-ħila tiegħu .. bena reputazzjoni soda bħala mużiċist, sakemm laħaq Kap tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.

Huwa insista li Belli se jibqa’ magħruf għall-professjonalità, id-dixxiplina u l-attenzjoni għad-dettall li kellu, iżda wkoll għall-imħabba li kellu għall-familja u rispett li kien igawdi minn sħabu u kollegi.

F’messaġġ emozzjonanti lill-familja, ġiet espressa gratitudni lejn martu Gloriana għall-kura u d-dedikazzjoni tagħha lejn zewgha, filwaqt li bintu Alexandra ġiet imfakkra bil-kliem li darba kantat lil missierha “I am with you”; simbolu tar-rabta li tibqa’ lil hinn mill-mewt.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja tiegħu bdiet b’korteo li telaq minn quddiem is-Soċjeta Banda Duke of Connaught’s Own, fejn Belli serva bħala surmast b’dedikazzjoni liema bħala għal dawn l-aħħar disa’ snin, u mexa lejn il-Bażilika ta’ Sant’ Elena. Il-purċissjoni kienet akkumpanjata mill-banda tal-istess soċjetà, li daqqet bosta marċi funebri li kiteb Belli stess tul it-triq.

Wara l-quddiesa presente cadavere, fejn prezenti kien hemm il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, il-Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela u l-Kap tal-Oppozizzjoni Alex Borg, it-tebut ittieħed lejn iċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata, f’Raħal Ġdid, fejn sar l-aħħar tislima f’ċerimonja aktar intima.

Aspett li laqat lil ħafna kien il-ġest ta’ solidarjetà li sar waqt il-funeral, fejn inġabru fondi għall-Community Chest Fund; organizzazzjoni li kienet ta’ sostenn għal Belli matul il-marda tiegħu.