“Ħadd ma għandu jibqa’ lura, ħadd ma għandu jħossu waħdu. Kulħadd għandu jkun parti mis-soċjetà tagħna. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iressaq ‘l quddiem private members’ bill dwar is-solitudni”
Ħabbar dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg meta indirizza l-attività tal-Ħadd fil-Qrendi, hekk kif spjega li l-Partit Nazzjonalista anke mill-Opożizzjoni qed jaħdem favur is-saħħa mentali.
Fid-diskors tiegħu, Alex Borg ressaq ‘l quddiem il-proposta ta’ “fixed term” u cioè li l-ġurnata tal-elezzjoni ġenerali tiġi deċiża fil-bidu ta’ leġiżlatura sabiex l-inċertezza – li qed joħloq Gvern Laburista – ma tibqax taffetwa lill-familji u n-negozji.
Huwa spjega li minkejja l-inċertezza li qed joħloq Robert Abela, il-PN lest għal elezzjoni tissejjaħ meta tissejjaħ.
Fid-diskors tiegħu, Alex Borg spjega li fl-aħħar ġimgħat il-PN kompla jiġġedded permezz tal-kandidati approvati. Fejn spjega li meta mar iżur iż-żgħażagħ huwa ra r-rieda li għandhom sabiex jibnu futur f’pajjiżna.
Alex Borg elenka l-fatt li pajjiżna ilu snin jiġi mwiegħed pjan konkret għat-trasport tal-massa. Tant li issa, l-Prim Ministru qed jinsisti li se jistenna sa wara l-elezzjoni biex jipprijoritizza dan.
Għalhekk huwa wiegħed li fl-ewwel 100 jum tiegħu bħala Prim Ministru se jaħdem fuq trasport tal-massa u fl-ewwel ħames snin tiftaħ l-ewwel linja.
Madanakollu, Alex Borg ressaq ukoll ‘l quddiem proposta sabiex il-pensjonanti jgħixu ħajja aktar diċenti. Fil-fatt wiegħed li ma jintaxxax id-dħul mill-pensjoni sa’ 34,000 ewro.
Huwa elenka wkoll il-proposti li l-PN ressaq ‘l quddiem b’rabta mal-kwalità tal-ħajja. Alex Borg tkellem ukoll dwar il-prezzijiet esaġerati tal-propjetà f’pajjiżna.


