Lokali

“Bil-PN fil-Gvern se tkomplu taħdmu, se tkomplu tħaddmu u se tkomplu tikbru ekonomikament”

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

“Bil-PN fil-Gvern se tkomplu taħdmu, se tkomplu tħaddmu, għaliex magħna tistgħu tikbru, taħdmu u tinvestu”

Iddikjara dan is-Shadow Minister Darren Carabott meta ndirizza l-attività politika tal-Ħadd tal-Partit Nazzjonalista li saret fil-Qrendi. Fejn spjega li x-xogħol tal-Partit Nazzjonalista rriżulta f’niċeċ ekonomiċi ġodda li sal-lum il-ġurnata Gvern Laburista qed jaħdem bihom.

Huwa anke spjega li l-Partit Nazzjonalista mill-Opożizzjoni wkoll ippreżenta numru ta’ niċeċ ekonomiċi lill-Gvern sabiex l-ekonomija Maltija titkattar u timxi lejn il-kwalità. Fejn iddikjara li l-Gvern Laburista qal le għalihom.

Darren Carabott spjega li filwaqt li qal “le” għan-niċeċ ekonomiċi li ressaq il-quddiem il-Partit Nazzjonalista, il-Gvern qal “iva” għal nuqqas ta’ spazji miftuħa, taħwid fl-indirizzi, densità u traffiku fost l-oħrajn. Fil-fatt, Darren Carabott spjega li l-popolazzjoni ta’ pajjiżna fi 3 snin żiedet b’50,000 persuna.

Fid-diskors tiegħu huwa spjega li x-xogħol tal-Partit Nazzjonalista huwa li noħolqu x-xogħol, is-setturi li joħolqu kwalità tal-ħajja aħjar, investiment li jsarraf fi kwalità ta’ ħajja aħjar għal pajjiżna.

Darren Carabott anke elenka numru ta’ proposti li għamel Gvern Laburista u li ma sarrfu fl-ebda differenzi fosthom anke l-Labour Market Study li kellu jwettaq u l-Migration Policy.

Għalhekk huwa spjega li hija propju din id-differenza tal-Partit Nazzjonalista mill-Partit Laburista. Fil-fatt huwa spjega li l-Partit Nazzjonalista għandu r-rieda li jindirizza d-densità ta’ pajjiżna li qed tkun ta’ detriment għall-pajjiżna u għall-poplu Malti u Għawdxi.

Gaħl dawn ir-raġunijiet, Darren Carabott appella lil dawk li qed jisimgħu lill-partit politiċi ta’ pajjiżna. Fuq naħa Gvern Laburista li ma ndirizzax il-problema tad-densità iżda fuq naħa oħra Gvern Nazzjonalista lest li jindirizza din il-problema sabiex il-poplu jgawdi l-ħin mal-familja, ma jqattax snin twal fil-waiting lists tal-isptar u anke jkollu ħajja aħjar.

Għalhekk, ir-risposta hija ċara, fil-Gvern għandu jkun hemm il-Partit Nazzjonalista.