Sport Sport Ieħor

Birkirkara jirbħu t-tornew Paola Belt Ewropea tal-Isport

Abby Camilleri Pearson, captain ta' Birkirkara tirċievi t-trofew

Birkirkara rebħu t-tornew fuq jumejn fl-okkażjoni ta’ Paola Belt Ewropea tal-isport. Dan it-tornew sar fil-padiljun tal-isport f’Kordin u kien organizzat minn Paola Volleyball Club bl-appoġġ tal-kunsill lokali ta’ Raħal Ġdid. Barra l-club Pawlist, ħadu sehem ukoll Birkirkara, Mġarr u Depiro. Fi tmiem it-tornew Darren Lynch, kunsillier fi hdan il-kunsill lokali Paola u responsabbli mill-isport ippreżenta t-trofew  lil Abby Camilleri Pearson captain ta’ Birkirkara. Dr Kenneth Vella, President ta’ Paola Volleyball Club irringrazzja lis-Sur Lynch u lill-kunsill lokali Paola tas-sapport u feraħlu għat-titlu mogħti minn ACES Europe lil Paola bħala l-belt Ewropea tal-Isport 2026. Hu rringrazzja wkoll lill-clubs ta’ Birkirkara, Depiro u  Mġarr li aċċettaw l-istedina li jilgħabu ma’ Paola u lill-coach tal-club Michael Magro li ħa ħsieb il-loġistika relatata ma’ dan it-tornew. Vella tenna li dawn il-jumejn ta’ volleyball kellhom ukoll l-għan li jippromwovu din id-dixxiplina sportiva f’pajjiżna tant li l-erba’ clubs ħadu l-okkażjoni  biex anki jesperimentaw b’formazzjonijiet differenti u bi players żgħażagħ.

Vella ppreżenta plakka kommemorattiva lir-rappreżentanti ta’ kull club filwaqt li Lynch ippreżenta midalja lil kull player u coach li ħa sehem matul dawn il-jumejn. Fi tmiem l-attivita’ is-Sur Lynch tenna li hu u sħabu kunsilliera fi ħdan il-kunsill lokali ta’ Raħal Ġdid huma determinati li jkomplu jappoġġjaw lill-club tal-volleyball ta’ Raħal Ġdid anki f’inizjattivi oħra li se jieħu fil-futur. 

Fil-fatt fix-xhur li ġejjin Paola Volleyball Club se jkun qiegħed isaħħaħ l-staff tekniku tiegħu filwaqt li f’Lulju li ġej se jkun qiegħed jikkordina l-parteċipazzjoni ta’ players ta’ nursery fi training camp f’Messina fi Sqallija fl-Italja. Dan grazzi għal ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn il-club u dak tas-Serie A2 fl-Italja Akademia Sant’Anna.   

Dr Kenneth Vella, President ta’ Paola Volleyball Club jagħti tifkira lil Michael Magro, coach tal-istess team Pawlist.