Internazzjonali

Cuba ssofri effetti devastanti wara ordni ta’ Trump li ma jidħolx żejt

L-Iran huwa bla dubju fiċ-ċentru tal-attenzjoni tal-President tal-Amerika Donald Trump imma kollox qiegħed jindika li issa jmiss lill-Cuba. Dan deher ċar minn mindu ordna biex ma jidħolx żejt f’Cuba.

Meta fil-bidu ta’ din is-sena Donald Trump ordna biex jitneħħa u jinqabad Nicolas Maduro, wara ħatar lil Delcy Rodriguez biex tmexxi hi lil Venezuela, mill-ewwel ħa kontroll tal-kummerċ taż-żejt tal-Venezuela u immedjatament wara, ordna l-imblokk fuq Cuba.

L-imblokk taż-żejt ġabet lil Cuba litteralment għarkubtejha. Dan għaliex il-Venezuela kien il-pajjiż li kien jipprovdi iż-żejt bl-irħis lil Cuba, apparti li l-Messiku kien jissupplixxi wkoll żejt lil Cuba.

Rapporti internazzjonali qed jispjegaw li dawn il-miżuri kienu ordnati minn Trump, għalkemm il-Messiku sostna li din kienet deċiżjoni tiegħu bħala pajjiż sovran. L-uniku tanker taż-żejt li wasal Cuba din is-sena kien tanker Russu.

Cuba ma rnexxiliex tiddiversifika l-provvistà tal-elettriku tagħha u dan jagħmel lil Cuba partikolarment fraġli u tiddependi fuq iż-żejt li jasal minn pajjiżi oħra.

Dan l-imblokk qed jirriżulta fi qtugħ tal-elettriku kontinwu mifrux fil-pajjiż kollu. Il-ħwienet governattivi tal-ikel u oħrajn li jbiegħu oġġetti essenzjali għall-familji, li kienu sussidjati mill-Gvern issa huma maqgħluqa u dawk li jiftħu huma vojta.

Il-poplu Cuban li kien jiddependi fuq dawn il-ħwienet biex jgħix issa iwassal biex il-poplu Cuban spiċċa bil-ġuħ.Il-maġġoranza tal-pompi tal-petrol huma magħluqa jew vojta, kif ukoll l-ispiżeriji.