Futbol Sport

Ħamrun Spartans jitilgħu fit-tieni post tal-Closing Round

(Ritratt: Joseph Galea)

ĦAMRUN SPARTANS……….3
NAXXAR LIONS………………..0


Ħamrun Spartans rebħu kontra Naxxar Lions b’riżultat komdu, fejn ġl-iskor finali kien 3-0.

Fl-ewwel taqsima, Ħamrun fetħu l-iskor fit-33 minuta permezz ta’ Ceter, wara azzjoni li ġiet ivverifikata u approvata.

Qabel tmiem l-ewwel taqsima, fit-44 minuta, huma żiedu ieħor meta difensur ta’ Naxxar, De Campos Goncalves, sfortunatament daħħal il-ballun fix-xibka tiegħu stess. Fit-tieni taqsima, fit-74 minuta, Mbong għalaq il-logħba b’penalty li ġie kkonfermat wara verifika tal-video support, u b’hekk għamilhom tlieta għal Ħamrun.


Marsaxlokk iżommu l-pass ma’ Ħamrun
MARSAXLOKK…………………2
GŻIRA UNITED…………………1

Marsaxlokk ħarġu rebbieħa 2-1 kontra Gżira.Wara l-ewwel taqsima li spiċċat mingħajr gowls, Marsaxlokk fetħu l-iskor fit-54 minuta permezz ta’ Soares minn rebound għal 1-0. Gżira wieġbu malajr u ġabu d-draw fit-58 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Maxuell Maia.

Marsaxlokk reġgħu marru fil-vantaġġ fit-73 minuta meta Soares skorja mill-ġdid b’daqqa ta’ ras, u għamel id-doppjetta personali tiegħu għal riżultat finali ta’ 2-1.

L-iskorer ta’ Marsaxlokk Soares jiċċelebra wieħed mill-gowls tiegħu (Ritratt: Joseph Galea)


Sliema jdawru telfa fi draw b’gowl fl-aħħar minuti
MOSTA………………………………2
SLIEMA WANDERERS………….2


Sliema Wanderers irnexxielhom isalvaw punt hekk kif skorjaw gowl fl-aħħar minuti u ċaħdu lil Mosta minn rebħa li kienet tiswa’ mmitqlu deheb fil-ġlieda kontra r-relegazzjoni.

Mosta fetħu l-iskor fis-27 minuta permezz ta’ Goncalves b’lob minn distanza. Fit-64 minuta huma rduppjaw meta Prince Emmanuel skorja minn viċin għal 2-0.

Sliema naqqsu d-distakk fis-77 minuta meta Luke Montebello skorja minn viċin wara azzjoni bir-ras.
Fil-89 minuta huma kisbu d-draw b;Vito Plut li sab ix-xibka b’daqqa ta’ ras għal riżultat finali ta’ 2-2.

Draw kumbattut bejn Żabbar SP u Tarxien Rainbows
TARXIEN RAINBOWS ………3
ŻABBAR ST. PATRICKS…..…3


Żabbar St. Patricks u Tarxien Rainbows kienu involuti f’partita kumbattuta li spiċċat 3-3.
Żabbar fetħu l-iskor fil-5 minuta permezz ta’ Mario Fontanella.

Huma rduppjaw fit-42 minuta b’penalty skorjat mill-istess Fontanella għal 2-0.Tarxien naqqsu d-distakk fil-45 minuta meta Marko Musulin skorja għal 2-1.

Fit-63 minuta ġabu d-draw permezz ta’ Patrick Schmidt għal 2-2.Żabbar reġgħu marru fil-vantaġġ meta Zean Leonardi skorja t-tielet gowl tagħhom għal 3-2, iżda Tarxien wieġbu fil-81 minuta b’gowl ta’ Nhaysonn Da Silva Rosa biex għamlu l-iskor finali 3-3.