Lokali

“Il-familji jridu kwalità ta’ ħajja aħjar u aktar ħin fuq idejhom biex igawdu t-tfal” – Joseph Grech

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

“Il-familji Maltin u Għawdxin iridu kwalità ta’ ħajja aħjar u aktar ħin fuq idejhom biex ikunu jistgħu jgawdu t-tfal.”

Sostna dan l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali li jmiss Joseph Grech waqt l-attività politika li saret il-Ħadd filgħodu fil-Qrendi fejn tkellem fost l-oħrajn fuq il-piżijiet li qed jaffaċċjaw il-familji u ż-żgħażagħ.

Matul id-diskors tiegħu huwa qal li l-familji mhux qed jitolbu għal ħafna affarijiet iżda qed jitolbu għall-paga aħjar u stabbiltà dan kollu bil-għan li l-familji jkunu jistgħu jlaħħqu sal-aħħar tax-xahar.

Huwa spjega li statistiċi juru li l-pagi f’pajjiżna mhumiex ta’ livell biex wieħed ikun jista’ jlaħħaq mal-ispejjeż tal-ħajja dan filwaqt li aktar u aktar żgħażagħ qed isibuha ferm diffiċli biex jixtru l-ewwel propjetà tagħhom. Joseph Grech qal li f’pajjiżi oħra fl-Ewropa l-familji qed jonfqu inqas u għandhom iktar paga f’idejhom mill-Maltin u l-Għawdxin.

Joseph Grech qal li l-poplu Malti u Għawdxi qed jaffaċċja sfidi varji jum wara l-ieħor fosthom it-traffiku f’kull ħin tal-ġurnata, splużjoni fil-prezzijiet u stennija twila sabiex wieħed jinqeda fl-Emerġenza. Huwa qal li wasal iż-żmien li l-ekonomija tiffoka aktar fuq il-kwalità milli fuq il-kwantità.

Għaldaqstant, huwa qal li hemm bżonn strateġija serja fir-rigward tal-affordabilità għall-propjetà f’pajjiżna, trasport tal-massa li huwa effiċjenti, li l-ħaddiema jkollhom work-life-balance, kif ukoll il-livell tal-għajxien.