“L-awtoritajiet preżenti għandhom jissieħbu ma’ spirtu ta’ qadi u għandhom joffru għajnuna u rispett lejn id-dinjità.”
Dan kien il-messsaġġ li wassal l-Arċisqof Charles Scicluna fil-pontifikal fil-festa ta’ San Publiju fil-Furjana.

Matul l-omelija l-Arċisqof Charles Scicluna spjega s-sinifikat tal-kappa ta’ San Publiju li huwa ilbies tipiku Ruman fejn kien qabad il-kappa u mar jara x’ġara hekk kif kien wasal il-bastiment f’pajjiżna li fuqu kien hemm propju San Pawl.

Huwa spjega li l-kappa provdietlu kenn mix-xita iżda San Publiju kellu qalb li toffri l-kenn kemm lil dawk li kienu abbord il-bastiment ma’ San Pawl kif ukoll offra protezzjoni lill-poplu tiegħu. Kien hawnhekk fejn il-Monsinjur qal li l-awtoritajiet ta’ pajjiżna jridu jaħdmu għall-poplu kollu, l-istess bħama kien għamel San Publiju.
Monsinjur Charles Scicluna saħaq li San Publiju fetaħ il-bieb tas-saħħa ta’ vera, u ta l-fidi lill-poplu Malti, bid-don tal-fejqan. Hawnhekk, huwa fakkar li kien propju San Pawl li fejjaq lil missier San Publiju.
Preżenti għal dan il-Pontifikal kien hemm l-għola awtoriatjiet tal-pajjiż fosthom il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg akkumpanjat minn Sarah Bajada kif ukoll deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra.







Kif inhi t-tradizzjoni, wara l-Quddiesa tal-Festa, il-mistednin distinti qattgħu ftit tal-ħin f’din il-lokalita fejn kellhom l-okkażjoni jiltaqgħu ma’ dawk kollha involuti fl-organizzazzjoni ta’ din il-festa ta’ San Publiju.
Aktar tard, sar il-marċ tradizzjonali, bil-programm kompla filgħaxija, bil-purċissjoni mat-toroq tal-lokalita’, li ġew imżejna b’armar mill-isbaħ għal din l-okkażjoni.



