Lokali

“Il-PN kien dak li ħoloq niċeċ ekonomiċi li għadhom iħallu impatt pożittiv fuq l-ekonomija”

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

“Kien propju l-Partit Nazzjonalista li ħoloq niċeċ ekonomiċi li għadhom iħallu impatt pożittiv fuq l-ekonomija. Għalhekk, irrid nara politika li ma tkunx ibbżażata fuq il-populiżmu imma fuq kif pajjiżna jista’ jkompli jikber u jimxi ‘l quddiem”.

Iddikjara dan il-Konsulent Joe Farrugia meta kien qed jindirizza l-attività politika tal-Partit Nazzjonalista fil-Qrendi fejn spjega li li kien propju l-Partit Nazzjonalista li ħoloq niċeċ ekonomiċi li qed iħallu impatt kbir pożittiv fuq l-ekonomija Maltija. Filwaqt li appella, li huwa l-mument li mmorru għal industriji li qed iħallu effetti pożittivi f’pajjiżna. Hekk kif spjega li t-tkabbir ekonomiku huwa msejjes fuq żieda fenomenali fil-ħaddiema barranin.

Joe Farrugia spjega, li pajjiżna ma kienx preparat għal dan it-tkabbir, u dan huwa rifless fis-settur tas-saħħa, it-traffiku u anke d-degredazzjoni tal-ambjent f’pajjiżna fost oħrajn.

Fid-diskors tiegħu, spjega li l-liġijiet tal-ippjanar, il-fatt li l-Gvern issa għamel li l-Ministri ma għandhomx għalfejn jiddikjaraw l-assi tagħhom u l-get out of jail free card li ngħatat fl-aħħar ġranet lil dawk li huma akkużat b’ħasil tal-flus u anke evażjoni tat-taxxa huma inkwetanti u jagħtu eżempju ħażin liż-żgħażagħ ta’ pajjiżna.

Huwa anke semma’ kif il-Gvern irid ikun aktar trasparenti fuq l-infieq tiegħu, fejn elenka l-iskandlu tat-tliet sptarjiiet Maltin – ftehim li ġie ddikjarat illegali għal darba darbtejn mill-Qorti, huwa wieħed mill-każijiet li l-Gvern irid ikun trasparenti fuqu. Filwaqt li ddikjara, li jrid jara Gvern li mhux jiftaħar li nefaq il-miljuni imma li qed jonfoq inqas.

Huwa anke elenka kif trid issir ġustizzja b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Joe Farrugia, sejjaħ ukoll sabiex il-ħaddiema Maltin u Għawdxin iżommu l-bogħod mid-droga, u mhux naraw ftehim bejn il-Gvern u l-entità li tħares l-użu tal-kannabis li tagħti flus lill-uliedna.

Madanakollu, huwa spjega li minkejja li ma hemm xejn ħażin li jitwieldu trabi minn ommijiet barranin, pajjiżna qed jaffaċċja problema serja b’rabta mar-rata baxxa tat-twelid. Fil-fatt, Malta hija t-tieni l-aktar pajjiż li qed tara twelid minn ommijiet barranin.

Fid-diskors tiegħu, Joe Farruga semma’ s-settur turistiku u li spjega li attwalment huwa bbażat biss fuq numri u mhux fuq kwalità li tant għandha bżonn Malta.