Lokali Qorti

Jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li allegatament daħal fil-profili tal-eks sieħba mingħajr kunsens

Raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie akkużat li ffastidja u anke daħal fil-profili tal-midja soċjali tagħha mingħajr il-kunsens tagħha.

Muaad Mohammen Ali Algabae tela’ l-Qorti akkużat bi vjolenza domestika, hekk kif il-Ġimgħa filgħaxija l-imputat allegatament ċempel lil omm it-tifla tiegħu b’mod ripetut, mar id-dar tagħha u anke insulentaha u heddidha.

Il-vittma għamlet rapport lill-Pulizija dwar dan fejn anke allegat li l-imputat rnexxielu jaċċessa l-midja soċjali tagħha mingħajr il-kunsens tagħha, u meta sarilha risk assessment, irriżulta f’riskju għoli. Rapporti li l-allegat agressur qed jiċħad.

Fil-fatt, fir-rapport tiegħu huwa qal li l-inċident seħħ lura f’Diċembru meta huwa ċempel lill-pulizija għaliex kien inkwetat fuq l-istat mentali tal-vittma.

Id-difiża talbu sabiex l-allegat aggressur jingħata l-ħelsien mill-arrest għaliex missieru offra li jżommu fir-residenza tiegħu, iżda l-prosekuzzjoni spjegat li l-missier joqgħod ftit bibien ‘l bogħod mir-residenza tal-vittma.

Il-Qorti aċċettat li missier l-aggressur jieħu ħsieb il-kuntatt tal-koppja b’rabta mat-tifla tagħhom. Dan filwaqt li l-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lill-imputat bil-kundizzjoni li jiffirma bail book kuljum u anke jidħol fir-residenza tiegħu sat-8 ta’ filgħaxija.

Il-Qorti ordnatlu wkoll li jħallas garanzija personali ta’ 6,000 ewro u 2,000 depożitu. Ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma, u anke poġġiet lill-imputat taħt trattament għall-allegat problema li għandu tax-xorb u drogi.