Futbol Sport

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel – FINALI: Starlites Revive jerbħu t-tieni partita u jippareġjaw is-serje

(ritratt: Stephen Christopher Vella)

Colin Schembri

Hibernians 75

Starlites Revive 83

(17-23)(20-22)(22-24)(16-14)

Starlites Revive kisbu rebħa importanti ta’ 83-75 fuq Hibernians biex ġabu s-serje f’parità wara wirja organizzata u b’kontroll kważi kontinwu tul il-logħba kollha. Fil-fatt, Starlites kienu fil-vantaġġ għal aktar minn 38 minuta u qatt ma sabu ruħhom minn taħt, filwaqt li sfruttaw b’mod eċċellenti l-iżbalji tal-avversarji b’37 punt minn turnovers. Huma kellhom ukoll vantaġġ fil-punti minn fast break (23 kontra 11) u punti mill-offensive rebounds (24 kontra 17), statistika li turi kemm kienu aggressivi u effettivi fiż-żewġ naħat tal-court.

L-aqwa skorers ta’ Starlites kienu Alec Felice Pace b’19-il punt, Travis Fee bi 18-il punt u Musa Jallow b’16-il punt u 8 rebounds, filwaqt li Jackson Threadgill żied 14-il punt ieħor. Għal Hibernians, Deonte Jackson temm b’27 punt, Ayomide Ajiboye kellu 16-il punt u Matthew Gouder żied 16-il punt ukoll, iżda l-bqija tat-team sab diffikultà biex iżomm l-istess livell offensiv.

Il-partita bdiet b’ritmu tajjeb minn Starlites li mal-ewwel ħadu kontroll tal-iskor. Fit-tielet minuta tal-ewwel sessjoni kienu 6-0 minn fuq, u minkejja reazzjoni minn Hibernians li resqu sa punt wieħed, Starlites baqgħu aktar kalmi u organizzati. Fis-sitt minuta l-iskor kien 12-12, iżda run ieħor fl-aħħar minuti reġa’ tahom il-vantaġġ biex għalqu l-ewwel sessjoni 23-17 minn fuq. Fit-tieni sessjoni, Starlites komplew isaħħu l-kontroll tagħhom. Fit-tielet minuta kienu diġà 30-19 minn fuq wara serje ta’ punti konsekuttivi minn Travis Fee, u għalkemm Hibernians wieġbu bi tmien punti konsekuttivi li naqqsu d-distakk għal 30-27, Starlites reġgħu sabu r-ritmu tagħhom. Fil-minuta finali ta’ din it-taqsima baskets minn Alec Felice Pace u Threadgill tawhom vantaġġ sod ta’ 45-37 fil-mistrieħ.

It-tielet sessjoni kienet kruċjali biex Starlites fetħu d-distakk deċiżiv. Fit-tielet minuta kienu 56-41 minn fuq wara punti minn Musa Jallow u trippla ta’ Fee. Sa’ nofs is-sessjoni, huma kabbru l-vantaġġ għal 62-45, vantaġġ massimu ta’ 17-il punt fil-logħba. Hibernians ippruvaw jirritornaw b’punti minn Gouder u Jackson, iżda Starlites baqgħu b’risposti immedjati u għalqu s-sessjoni 69-59 minn fuq.

Fir-raba’ perjodu Hibernians għamlu l-aħħar sforz tagħhom. Fit-tieni minuta kienu naqqsu għal 69-65 wara punti konsekuttivi minn Jackson u Ajoboye. Starlites ġew lura permezz ta’ Ian Felice Pace, Matthew Scerri u Threadgill. Hibs reġgħu naqqsu d-distakk għal 4 punti 73-77 madankollu Starlites baqgħu komposti, u fl-aħħar minuta three-pointer importanti ta’ Fee u free-throws ta’ Iturmendi fetħu distakk ta’ disa’ punti 82-73 bil-Hibs jagħlqu bl-aħħar basket ta’ Jackson biex Starlites ħadu r-rebħa 83-75.

Hibernians: N. Cassar 2, E. Simmons 2, A. Ajiboye 16, L. Attard, L. Farrugia, P. Stelmach, V. Kustudija, M. Gouder 16, D. Jackson 27, M. Attard 3, I. Demcesen 4, S. Simic 5.

Starlites Revive: A. Felice Pace 19, K. Fabri 2, T. Fee 18, A. Aquilina, S. Pace, I. Felice Pace 2, M. Fabri, M. Scerri 2, J. Iturmendi 10, J. Threadgill 14, K. Xuereb, M. Jallow 16.

Referees: Nestor Rincon, Miguel Pablo De Flavia, Florentina Ciurariu.