minn Colin Schembri
Athleta AtoZ 61
Starlites Forvis Mazars 65
(19-14)(11-20)(22-10)(9-21)
Starlites Forvis Mazars ġew inkurunati champions fil-kategorija tal-irġiel taħt is-16-il sena wara rebħa ta’ 65-61 fuq Athleta AtoZ, għal darb’oħra f’partita ta’ livell għoli ferm li tat ġieħ lill-kategorija. Iż-żewġ timijiet mill-ġdid offrew partita b’intensità kbira, ritmu mgħaġġel u diversi tibdiliet fil-vantaġġ, iżda Starlites kienu aktar b’saħħithom fl-aħħar minuti biex dawru żvantaġġ ta’ għaxar punti. Huma għamlu differenza fil-fast breaks (19 kontra 13) u fir-rebounds (52 kontra 45), filwaqt li Athleta kellhom aktar ħin fil-vantaġġ iżda ma rnexxielhomx jagħlqu l-konfront meta dehru fil-kontroll. Prestazzjoni mill-aqwa għal darb’oħra waslet mingħand Zac Said Hollier, li temm bi 25 punt, 6 assists u kontroll sħiħ tal-mumenti kruċjali. Minkejja li kien spiss imdawwar minn tliet difensuri għal kważi l-logħba kollha, huwa baqa’ kalm taħt pressjoni kbira, attakka kontinwament il-basket u fl-aħħar sekondi żgura r-rebħa bi free throws deċiżivi. YuQiao Chen ukoll kellu wirja importanti b’24 punt u 17-il rebound, filwaqt li Giacomo Camilleri żied 12-il punt u 14-il rebound. Għal Athleta, Mathias Juan De Flavia kien l-aqwa skorer b’19-il punt, filwaqt li Isaac Jo Micallef żied 12 u Esprit Cauchi Carter kellhu 11.
Athleta bdew tajjeb ħafna u fetħu b’run ta’ 13-3 permezz ta’ baskets minn Thomas Cauchi Carter, Mifsud u De Flavia. Starlites però bdew jirkupraw gradwalment grazzi għal Hollier u Chen biex naqqsu d-distakk, iżda Athleta xorta għalqu l-ewwel sessjoni 19-14 minn fuq. Fit-tieni sessjoni Starlites tejbu l-logħba tagħhom fuq iż-żewġ naħat tal-court. Camilleri u Chen taw enerġija kbira, filwaqt li Hollier beda jieħu aktar responsabbiltà fl-attakk. Run tajba f’nofs it-taqsima dawret ir-riżultat u Starlites daħlu fil-mistrieħ 34-30 minn fuq.
Fit-tielet sessjoni Athleta wieġbu b’karattru u reġgħu ħadu kontroll. De Flavia kien protagonist b’żewġ trippli importanti, filwaqt li Micallef u Cauchi Carter komplew jagħmlu ħsara qrib il-basket. Athleta għalqu s-sessjoni 52-44 minn fuq u dehru viċin ħafna tar-rebħa. Fl-aħħar sessjoni waslet rimonta kbira ta’ Starlites. Hollier u Chen mexxew sensiela qawwija ta’ punti li gradwalment naqqset id-distakk, qabel trippla kruċjali ta’ Chen poġġiethom minn fuq 60-58. Athleta rnexxielhom iġibu draw 61-61 fl-aħħar minuta, iżda Hollier żamm kalma kbira u niżżel erba’ free throws konsekuttivi fl-aħħar sekondi biex assigura rebħa ta’ 65-61 u t-titlu għal Starlites. Fi tmiem il-partita s-Sur Jonathan Pisani sid ta’ Pisani Motoring School ippreżenta t-trofew lil Zac Said Hollier fost il-ferħ tal-partitarji preżenti.
Athleta AtoZ: Aleksa Novakovic, Isaac Jo Micallef 12, David Mifsud 7, Kris Curmi, Luca Manicaro, Mathias Juan De Flavia 19, Simone Napolitano, Kai Pencz Haynes, Mehdi Belli 2, Esprit Cauchi Carter 11, Thomas Cauchi Carter 6, Maximilian Busuttil 4.
Starlites Forvis Mazars: Alejandro Azzopardi, Gabriel Costa, Thomas Sciberras, Luca Lofaro, Latney Liebe, Matthias Mifsud, Zac Said Hollier 25, Max Marcus Grima, Luca Tanto Magri 4, Giacomo Camilleri 12, Luigi Tanti Magri, YuQiao Chen 24.
Referees: Bernard Vassallo, Florentina Ciurariu, Leonardo Silvero
//= $special ?>

