Colin Schembri
Starlites Blue 42
Luxol Bolt 77
(17-19)(14-21)(4-17)( 7-20)
Luxol Bolt ġew inkurunati champions fil-kategorija tan-nisa ta’ taħt id-19-il sena għar-raba’ sena konsekuttiva wara li għelbu lil Starlites Blue 77-42 fit-tieni finali, f’partita li fiha ħadu kontroll sħiħ wara bidu bilanċjat u saħħew id-dominanza tagħhom fit-tieni nofs tal-logħba. Luxol kienu superjuri f’diversi aspetti tal-istatistika, b’30 punt minn turnovers kontra 10, 22 punt minn fast breaks kontra 10 u 34 punt mill-bank kontra 9, filwaqt li rebħu wkoll il-battalja tar-rebounds 55 kontra 45. Il-qawwa kollettiva u l-fond tal-iskwadra tagħhom reġgħu kienu fatturi deċiżivi fit-triq lejn titlu ieħor. Sarah Fenech Pace kienet l-aktar effettiva għal Luxol b’23 punt u 17-il rebound, prestazzjoni kompluta fuq iż-żewġ naħat tal-court. Eve Axisa żiedet 12-il punt u tat enerġija kbira speċjalment fit-tielet sessjoni, filwaqt li Vanya Baldacchino temmet b’16-il punt wara wirja pożittiva fl-aħħar minuti. Għal Starlites, Philippa Riolo spikkat b’14-il punt u 15-il rebound, waqt li Francesca Gauci żiedet 7 punti u kien hemm 8 ta’ Isabelle Micallef.
Il-bidu kien bilanċjat, bi Starlites saħansitra jmorru 5-2 minn fuq wara punti minn Riolo. Madankollu Luxol wieġbu b’run tajba mmexxija minn Sarah Fenech Pace u Baldacchino biex dawru r-riżultat. Starlites baqgħu viċin permezz ta’ trippli minn Isabelle Micallef u Gauci, iżda Luxol għalqu l-ewwel sessjoni 19-17 minn fuq. Fit-tieni sessjoni Starlites baqgħu fil-logħba u naqqsu d-distakk għal punt wieħed f’diversi okkażjonijiet fejn fost l-oħrajn kellhom trippla minn Amy Cassar Saguna. Luxol però dejjem sabu tweġiba. Jada Said għamlet trippla, filwaqt li Axisa, Baldacchino, Sarah Sciberras u Sarah Fenech Pace komplew iżidu taħt il-basket biex Luxol daħlu fil-mistrieħ 40-31 minn fuq.
It-tielet sessjoni kienet deċiżiva hekk kif Luxol għollew ir-ritmu u kważi għalqu l-konfront. Axisa kienet protagonist b’punti konsekuttivi inkluża trippla, filwaqt li Sarah u Rebecca Fenech Pace u Xuereb żiedu baskets oħra biex run qawwija fetħet vantaġġ ta’ 22 punt. Starlites sabu biss erba’ punti fis-sessjoni kollha minn free-throws, u Luxol daħlu fl-aħħar taqsima 57-35 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni Luxol komplew jikkontrollaw kollox. Ella Abela żiedet baskets kmieni, qabel ma Baldacchino ħadet f’idejha l-aħħar minuti b’serje ta’ punti konsekuttivi minn turnovers u fast breaks. Minkejja xi tentattivi minn Gauci, Micallef u Cassar Saguna għal Starlites, Luxol baqgħu jżidu l-vantaġġ sal-35 punt u għalqu l-finali b’rebħa ċara ta’ 77-42. Fi tmiem il-partita, l-President tal-MBA Paul Sultana ippreżenta t-trofew lil captain ta’ Luxol Sarah Fenech Pace biex iċċelebraw ir-raba’ kampjonat konsekuttiv tagħhom.
Starlites Blue: F. Gauci 7, P. Riolo 14, A. Buckwell, M. Cassar Borg, Y. Ferrando 4, B. Sciberras, G. Gerada, F. Vella 2, I. Micallef 8, K. Gatt 2, A. Cassar Saguna 5.
Luxol Bolt: G. Carabott 2, R. Fenech Pace 2, E. Axisa 12, S. Sciberras 4, K. Magro, A. Xuereb 2, J. Said 10, E. Abela 6, S. Fenech Pace 23, V. Baldacchino 16.
Referees: Miguel Pablo De Flavia, Nicky Azzopardi, Wendell Lim
//= $special ?>

