Donald Trump ħabbar fuq is-social medja tiegħu li nhar it-Tnejn filgħaxija r-rappreżentanti tiegħu se jmorru l-Islamabad fil-Pakistan biex jinnegozzjaw ftehim mal-Iran.
Huwa qal li jittama li l-Iran taqbel għaliex se jkun offrut deal raġonevoli u ġust, imma jekk ma jaċċetawħx id-deal, Trump tenna theddida ġdida lill-Iran li jekk ma jaslux għal ftehim u jiftħu r-rotta ta’ Hormuz, huwa jeqred l-impjanti tal-enerġija u l-pontijiet kollha li għandu l-Iran.
Intant l-Iran għadu ma kkonfermax li se jkunu qiegħdin jattendu l-uffiċjali tiegħu għal din il-laqgħa.
Is-Sibt l-Iran sparaw lejn zewġ bastimenti, wieħed Franċiż u l-ieħor Ingliż meta dawn pruvaw jaqsmu r-rotta ta’ Hormuz u dan wara li Trump kien ħabbar li r-rotta kienet infetħet b’mod permanenti.
Trump akkuża lill-Iran li ma rrispettawx il-ftehim mill-waqfien mill-ġlied iżda l-Iran akkużat lill-Istati Uniti li kienu huma li kissru l-ftehim meta ordnaw imblokk fuq il-portijiet Iranjani.



