Qorti

Arrestata wara serq li jammonta għal €1,500

Mara ta’ 38 sena tressqet il-Qorti akkużata b’serq minn diversi ħwienet, wara li ġiet identifikata permezz ta’ filmati tas-CCTV.

Il-prosekuzzjoni sostniet li bejn Marzu u April, il-mara allegatament serqet oġġetti b’valur ta’ madwar €1,500 minn numru ta’ ħwienet.

Hija wieġbet mhux ħatja ta’ sitt akkużi ta’ serq minn ħwienet f’Ħal Qormi, Tas-Sliema u Birkirkara. Skont l-allegazzjonijiet, hija serqet aċċessorji tal-mowbajls, kameras u diversi oġġetti oħra.

Il-mara ġiet identifikata permezz ta’ filmati tas-CCTV u ġiet arrestata nhar il-Ħadd waranofsinhar.

It-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda minħabba li l-akkużata tbati minn dipendenza fuq id-droga u m’għandhiex impjieg jew residenza stabbli.