“Il-messaġġ ta’ dawn l-elezzjonijiet fil-Bulgarija huwa ċar – li ċ-ċittadini Bulgari jridu l-bidla. Il-Bulgarija teħtieġ bidla kemm fil-liġi u anke fil-prattika elettorali.”
Kien dan il-messaġġ li wassal id-Deputat Nazzjonalista, Chris Said, fil-Bulgarija meta mexxa d-delegazzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa – fejn osserva l-elezzjonijiet bikrin tal-Parlament.
Fid-diskors tiegħu, Said stqarr kif dawn l-elezzjonijiet kienu kruċjali għall-Ewropa, daqs kemm kienu dawk fl-Ungerija – il-ġimgħa li għaddiet. Kompla jisħaq li l-Bulgarija hija importanti għall-istabbiltà demokratika fir-reġjun, għad-direzzjoni politika tal-Ewropa, u għall-kredibilità tal-governanza demokratika fi żmien meta l-fiduċja pubblika tkun taħt pressjoni madwar il-kontinent.
Huwa stqarr kif wara snin ta’ instabilita politika fil-pajjiż, iċ-ċittadini Bulgari vvutaw b’mod li jagħtu ċans lill-pajjiż għall-Gvern stabbli. Chris Said qal, “Ir-responsabbiltà issa tinsab f’idejn il-mexxejja politiċi Bulgari biex jibdlu dan il-vot f’governanza effettiva u kredibbli.”
Finalment temm jirringrazzja l-awtoritajiet Bulgari, l-amministrazzjoni elettorali, l-interlokuturi, u u l-imsieħba tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa mill-OSCE/ODIHR għall-kooperazzjoni sħiħa tagħhom matul din il-missjoni.


