Futbol Sport

Erling Haaland jgħid li l-marki fiżiċi li jkollu wara logħba, qed joħolqulu problemi mat-tfajla tiegħu

Erling Haaland
Erling Haaland

Erling Haaland żvela li s-sieħba tiegħu, Isabel Haugseng Johansen, ħafna drabi ma tkunx kuntenta bil-marki fiżiċi li l-plejer jirritorna bihom id-dar wara xi logħba mill-Premier League Ingliż. L-attakkant ta’ Manchester City għadda dan il-kumment wara li nhar il-Ħadd li għadda l-iskwadra ta’ Pep Guardiola għelbu lill-Arsenal 2-1, f’konfront fejn matulu spikka l-konfront dirett u fiżiku bejn Haaland u Gabriel Magalhães ta’ Arsenal.

Il-logħba rat lil dawn iż-żewġ plejers f’battalja fiżika u kostanti bejniethom, tant li d-difensur Brażiljan qatta’ l-flokk ta’ Haaland, bit-temperament taż-żewġ plejers deher jeskala tul id-90 minuta. F’ħin minnhom Gabriel saħansitra deher jipprova jagħti bir-ras lin-Norveġiż, bir-referee tal-partita għażel li juri biss il-karta safra u mhux il-ħamra lill-plejer ta’ Arsenal.

Wara r-rebħa ta’ nhar il-Ħadd, Haaland qal li “il-Kampjonat Ingliż tal-lum sar qisu wrestling, tant li wara l-partita nispiċċa b’ħafna grif. Kultant, meta mmur id-dar, it-tfajla tiegħi ma tkunx daqshekk kuntenta, għax kif tara dawn il-grif jidhru koroh. Imma dik hija r-realtà.”

Lil hinn mill-battalja fiżika li Haaland kellu nhar il-Ħadd, meta għad-dell tiegħu kellu kontinwament lil Gabriel lest biex jimmarkah, l-internazzjonali tan-Norveġja jidher li hu preparat għall-aħħar ġirja importanti tal-Premier League, bit-tama li Manchester City jirnexxilhom jirbħu Kampjonat għall-ispejjez ta’ Arsenal.

Il-prestazzjonijiet ta’ Haaland tjiebu u l-iskorer prolifiku ta’ 25 sena attribwixxa l-progress li għamel lejn it-tim nazzjonali Norveġiż talli ġġestew ix-xogħol tiegħu waqt il-waqfa internazzjonali, u ppermettewlu jirkupra wara li dan l-istaġun diġà lagħab 50 logħba.