Lokali

“Hospice Malta ttaffi t-toqol li wieħed ikun qed iġarrab” – Dorianne Formosa

“L-uġigħ huwa kbir, il-mard huwa ikrah, it-tbatija hija kbira … però meta ssib bħall-Hospice li jgħinuk, it-toqol jinħass eħfef.”

Kien dan il-messaġġ li wasslet, Dorianne Formosa – bint Ġolu Bonanno – pazjent ta’ Hospice Malta li miet fit-22 ta’ Awwissu li għadda wara tliet xhur ta’ battalja mill-aktar kiefra kontra kanċer terminali li attakkalu l-istonku.

F’intervista, Dorianne spjegat kif missierha kien mar jagħmel it-testijiet tad-demm – bħal ma kien jagħmel regolarment.

U rriżulta li kellu d-demm baxx u t-tobba bagħtuh għal aktar testijiet għax ir-riżultati ma kinux qed jidhru sbieħ.

Qalet kif kien proprju dak il-mument li t-tobba taw l-aħbar li Ġolu kien marid u li ma kien hemm l-ebda tama għall-fejqan.

Bintu iddseskriviet lil Hospice Malta bħala sors ta’ dawl fid-dlam; f’dan iż-żmien diffiċli għall-familja kollha – kemm meta missierha kien marid u anke wara mewtu.

Intant, is-Sibt 25 ta’ April, Hospice Malta se ttella’ maratona bit-tema ‘Hawn Għalik’ bl-għan li tkompli tifrex is-servizzi ta’ kura paljattiva b’xejn lil aktar pazjenti. Dan għaliex id-domanda għall-għajnuna qed tiżdied b’mod sinifikanti b’medja ta’ tliet pazjenti ġodda kuljum.

Il-fondi li se jinġabru matul din il-maratona, se jgħinu lil Hospice Malta tibda servizz ġdid ta’ ‘in patient unit’ b’16-il kamra tas-sodda fejn pazjenti b’mard serju jkunu jistgħu jirċievu kura ħolistika f’ambjent seren u b’aċċess dirett għall-ġonna.

Din il-maratona li se tittella’ mill-11am sal-11pm u se tixxandar fuq l-istazzjonijiet lokali, fosthom fuq NET Television.