Il-Qorti ċaħdet talba mressqa mill-Malta Association of Professional Engineers (MAPE) dwar bidliet fil-mod kif wieħed jikkwalifika għall-warrant ta’ inġinier.
Il-Qorti ċaħdet il-kawża mressqa mill-Malta Association of Professional Engineers (MAPE) dwar il-bidliet fil-mod ta’ kif wieħed jikkwalifika biex isir inġinier.
Il-MAPE argumentat li l-korsijiet tal-inġinerija offruti mill-MCAST mhumiex ekwivalenti għal dawk tal-Università ta’ Malta u istituzzjonijiet Ewropej oħra, u wissiet li kien hemm defiċjenzi serji fil-livelli akkademiċi.
Il-MAPE qalet ukoll li l-introduzzjoni ta’ Pre-Warrant Qualification Course (PWQC) kellha tkun suġġetta għal konsultazzjoni obbligatorja taħt l-Artiklu 7 tal-Att dwar it-Test tal-Proporzjonalità, u saħansitra sostniet li r-riforma tista’ twassal għall-“eradikazzjoni tal-professjoni tal-inġinerija”.
Madankollu, il-Qorti iddeċidiet li ma tidħolx fil-mertu tal-kwalità akkademika tal-korsijiet, u qalet li dan kien kompletament barra mill-kwistjoni. Minflok, iffokat fuq l-interpretazzjoni tal-Artiklu 7 u ddeċidiet li l-obbligu ta’ konsultazzjoni japplika biss meta il-miżuri proposti jkunu ser jirrestrinġu l-aċċess għall-professjoni.
F’dan il-każ, il-bidliet kienu qed jiftħu l-bieb għal aktar gradwati tal-MCAST, u għalhekk ma kinux “restrittivi”. Meta l-President tal-MAPE, Ing. Arthur Ciantar, ġie mistoqsi jekk dawn il-bidliet kinux qed jillimitaw l-aċċess jew il-prattika, huwa wieġeb li ma kienx qiegħed hemm biex jiddiskuti dan.
Din is-sentenza inqatgħet ftit ġimgħat wara li l-Qorti Kostituzzjonali kienet diġà ċaħdet sfida oħra tal-MAPE dwar ir-riforma tal-professjoni tal-inġinerija. Fil-każ tressqu wkoll provi ta’ nuqqas ta’ qbil serju fi ħdan il-Bord tal-Professjoni tal-Inġinerija.
Żewġ membri eletti, Samuel Bonanno u Brian Micallef, ma qablux mal-pożizzjoni uffiċjali u appoġġjaw lil MAPE, u allegaw nuqqas ta’ trasparenza fil-Bord. Huma irreferew għal talba li saritilhom biex jiffirmaw ftehim ta’ kunfidenzjalità biex jipparteċipaw fil-laqgħat. Huma rrifjutaw, u qalu li ma ridux isiru “kompliċi fit-tkissir tal-professjoni”.
Membri oħra ilmentaw ukoll dwar esklużjoni minn laqgħat mal-MCAST u dewmien f’deċiżjonijiet interni.
Il-qorti nnutat li “ma jidherx li hemm l-armonija meħtieġa fil-Bord” u, fl-aħħar, ċaħdet it-talbiet kollha tal-unjin.
Il-MAPE ġiet ordnata tħallas l-ispejjeż tal-kawża.
//= $special ?>

